Waqt li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna qed tkompli tħalli l-konsegwenzi tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ltaqgħet mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem waqt żjara f’Malta.
Il-Pesident tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ltaqgħet mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, f’Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta.
L-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom bħalissa n-negozji f’Malta u f’Għawdex, fosthom minħabba diffikultajiet biex jiġu impurtati il-prodotti, ż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni u n-nuqqas ta’ materja prima u prodotti oħra, kienu fuq nett tal-aġenda tad-diskussjoni.
Rappreżentanti tal-industrija f’Malta semmew li huma mħassba l-aktar bħalissa dwar it-trasportazzjoni tal-prodotti, in-nuqqas ta’ ħaddiema u ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil – li huma riżultat tal-pandemija u tal-gwerra li għaddejja fl-Ukraina.
B’referenza għall-fatt li Malta hija gżira – fejn issemma’ kif Malta tiffaċċja aktar sfidi minn Stati Membri akbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea – negozjanti ewlenin appellaw biex ikun hemm soluzzjonijiet innovattivi sabiex il-gżejjer ikunu jistgħu jkunu aktar kompetittivi u sostenibbli.
Dwar dan, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rreferiet għall-azzjoni li ħa l-Parlament Ewropew fl-aħħar Sessjoni Plenarja, fejn appella lill-Kummissjoni Ewropea biex toħloq Patt għall-Gżejjer – strateġija speċifika li tiffoka fuq gżejjer bħala stati u reġjuni, u li tikkunsidra l-isfidi partikolari li jħabbtu wiċċhom magħhom. Żiedet tgħid li l-aċċess għall-fondi tal-Unjoni Ewropea maħsuba għall-gżejjer – kemm dawk li huma stati u anke reġjuni – għandu jkun aktar faċli u mgħaġġel.
Il-President Metsola irreferiet ukoll għad-diskussjoni li kellha mal-mexxejja Ewropej waqt l-aħħar Kunsill Ewropew li sar fi Brussell fl-aħħar jiem.
“Jekk naħsbu li ż-żidiet fil-prezzijiet u l-inflazzjoni huma fenomenu li se jgħaddi malajr, jew nassumu li s-sitwazzjoni mhux se tiggrava, inkunu qed nagħmlu żball,” qalet il-President Metsola.
Hija qalet li l-Ewropa jeħtieġ taġixxi b’mod sod, ċar u magħqud li juri li kulħadd qed jiffaċċja din is-sitwazzjoni flimkien. Il-President Metsola kompliet li m’hemmx soluzzjoni komuni għall-impatt ekonomiku u soċjali li qed inħabbtu wiċċna miegħu, u li xejn m’għandu jiġi eskluż minn fuq il-mejda tad-diskussjoni.
Dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, il-President tal-Parlament Ewropew qalet li l-bidla għall-enerġija li tiġġedded mhix biss ambizzjoni ambjentali iżda importanti fejn tidħol sigurtà. Spjegat li l-Unjoni Ewropea qablet li timla r-riżervi tal-gass qabel tidħol ix-xitwa, waqt li tgħaġġel iktar il-pass fejn tidħol it-transizzjoni ambjentali.
Il-President Metsola saħqet li l-isfidi li għaddejjin minnhom bħalissa qed jinħassu minn kull faxxa tas-soċjetà – speċjalment mill-konsumaturi – u l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tkun sensittiva lejn il-ħtiġijiet ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema, tan-negozji żgħar u medji u tal-konsumaturi.