Thursday, November 20, 2025

Mevrick Zammit … xempju ta’ kemm is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni jistgħu jagħmlu differenza reali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-Blackball f’Malta ilu jikber b’passi kbar, iżda ftit kienu dawk il-mumenti li fissru daqstant kemm wasal ’il quddiem dan l-isport li ħafna jsejħulu ta’ fuq il-mejda. Wieħed minn dawn il-mumenti bla dubju se jibqa’ miktub fl-istorja: ir-rebħa ta’ Mevrick Zammit, li f’Ennis, fl-Irlanda, f’ Novembru 2025 sar Champion Ewropew tal-Men’s Singles tal-Blackball, b’wirja li tispikka għall-kalma, konsistenza u determinazzjoni li għandu.

F’finali intensiva li xejn ma kienet faċli, hu għeleb lill-plejer b’esperjenza kbira Anthony Monarch mir-Renju Unit bi skor ta’ 7–5, u b’hekk inkuruna l-isforzi ta’ snin twal ta’ taħriġ bla waqfien fejn irsista sabiex il-livell tiegħu jibqa’ għoli.

Wara dan is-suċċess storiku, dan il-sit ħa intervista mal-istess Zammit sabiex nitkellmu mhux biss dwar il-finali, iżda dwar il-vjaġġ tiegħu, il-ħidma mat-tim nazzjonali, u l-viżjoni tiegħu għall-futur tal-Blackball f’Malta.

Staqsejnih dwar kif ipprepara għal din l-akbar kompetizzjoni internazzjonali.

“Il-preparazzjoni kienet xi ħaġa li qatt ma għamilt qabel. Nista’ ngħidlek li l-aħħar tliet ġimgħat kienu verament intensivi: tliet sigħat kuljum, kuljum bla waqfien. Meta tkun taf li riesaq tournament bħal dan, ma tistax tħalli lanqas ġurnata tgħaddi bla taħriġ. Kont qed naħdem fuq il-preċiżjoni, fuq il-kalma tiegħi meta nkun taħt pressjoni, u fuq ir-ritmu tiegħi. Ma kienx biżżejjed sempliċement tilgħab – ridt niżgura li kull mossa tiegħi tkun ikkalkulata għax dan l-isport jirrikjedi dan kollu.”

Jgħid li l-emozzjoni li ħass meta rebaħ kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn.

“Nammetti li nxtħett nistrieħ mal-mejda u bkejt bil-ferħ. Minn ġewwa kont qisni qed intir għax ma kontx qed nobsor li se nagħmel din il-bravura. Hemmhekk ħassejt li snin ta’ xogħol u sagrifiċċji finalment taw il-frott.”

Mevrick beda jilgħab il-billiard aktar minn 10 snin ilu. Il-Blackball skoprieh fl-2012 meta twieldet il-federazzjoni, u ma damx ma sab ruħu fil-livell professjonali. Sa 2013 kien diġà sar plejer internazzjonali mat-tim nazzjonali Malti.

“Sibt is-seħer u l-passjoni fil-Blackball. Il-logħba hija teknika ħafna, strategika, u trid żewġ affarijiet importanti: moħħ kalm u preċiżjoni assoluta. Għalija kienet imħabba immedjata.”

F’dawn l-aħħar snin Mevrick sar wieħed mill-pedamenti tat-tim nazzjonali. Hu kien parti mit-tim Malti li pparteċipa fl-EBA Nations Cup f’Bridlington fl-2023, flimkien ma’ plejers stabbiliti bħal Leon Azzopardi, Johan Attard u Ryan Pisani, taħt il-gwida tal-kowċ Clevion Micallef.

Għal diversi drabi ġie magħżul biex jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati Ewropej u anke dawk mondjali, inkluż dawk li saru f’Malta riċentement. F’dawn il-kampjonati, il-Maltin kisbu rebħiet kbar bħal logħba ta’ 20–5 kontra l-Afrika t’Isfel u 21–4 kontra Ċipru, wirjiet li wrew kemm il-livell lokali qed jitla’ b’veloċità inkredibbli.

“Meta tilgħab mat-tim nazzjonali, tħoss responsabilità differenti. Mhux qed tilgħab għalik, qed tilgħab għal Malta. Kull boċċa tagħmel id-differenza. Hemm pressjoni imma hemm ġieħ ukoll u ħafna unur.”

Mevrick hu magħruf għall-kalma tiegħu, il-konsistenza u l-abbiltà li jżomm il-livell għoli anke taħt pressjoni kbira.

“Il-Blackball hija logħba ta’ moħħ. Il-moħħ jagħti r-riżultat, mhux idejk. Hemm plejers ta’ talent u hemm plejers determinati u min jaf jgħaqqad it-tnejn, jasal. Jien dejjem għidt li l-maġġoranza tal-logħba tinsab fil-psikoloġija u fid-dixxiplina.”

F’livell lokali, Mevrick lagħab ukoll ma’ diversi timijiet, fosthom Ħamrun 147 li tawh esperjenza f’kompetizzjonijiet nazzjonali bħall-Knock-Out. Bħalissa hu jilgħab ma’ Cospicua Rangers.

Meta staqsejnih kif jara l-livell tal-Blackball, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, ir-risposta tiegħu kienet ċara:

“Il-livell illum huwa għoli immens. Aħna bħala Maltin qed inħabbtuha ma’ plejers li huma champions tad-dinja, u jiena stess issa champion tal-Ewropa. Dan juri li l-livell tagħna mhux biss qed ilaħħaq ma’ oħrajn minn madwar l-Ewropa u d-dinja, imma qed jidħol fost l-aqwa. Il-Blackball qed jikber b’rata inkredibbli, u Malta qed tagħmel isem sabiħ tagħha.”

Konxju li l-isport jeħtieġ dixxiplina kontinwa, Mevrick jittama li jkompli jilgħab u jikkompeti għal snin twal.

“Sakemm nibqa’ b’saħħti, se nibqa’ nilgħab. Il-Billiard u l-Blackball huma logħob li nħobb b’qalbi kollha. Wara ħafna snin, fl-aħħar irnexxieli naqta’ x-xewqa li nsir champion Ewropew – imma ma rridx nieqaf hawn.”

Ma setax jonqos li nistaqsuh dwar x’messaġġ għandu għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jsiru plejers professjonali.

“L-ewwel nett: dan hu sport sabiħ. Jekk trid tirnexxi, trid tkun dedikat u dixxiplinat. It-taħriġ huwa kruċjali. U fuq kollox, trid ikollok ir-rieda soda – dik ix-xewqa minn ġewwa li tgħidlek ‘jien nista’ nagħmel dan.’ Hemm ħafna min hu aħjar minni, iżda jien għażilt li nemmen fija nnifsi. U meta tagħmel hekk, tasal fejn trid.”

Illum, Mevrick Zammit mhux biss champion jew plejer ewlieni; sar figura simbolika tal-progress tal-Blackball f’Malta. L-istorja tiegħu minn ġuvni jilgħab il-biljard għal champion Ewropew hija prova li meta tħobb xi ħaġa biżżejjed u taħdem bla waqfien għaliha, l-impossibbli jsir possibbli.

Hu mhux biss plejer iżda ispirazzjoni. U għal Malta, Mevrick Zammit huwa xempju ta’ kemm is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni jistgħu jagħmlu differenza reali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport