Sunday, November 24, 2024

Mewġa ta’ sħana mistennija taħkem lil griżirtna l-ġimgħa d-dieħla

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif żoni fl-Ewropa jinsabu milqutin minn żona ta’ sħana, b’għadd ta’ pajjiżi jesperjenzaw fenomeni marbutin mal-bidla fil-klima u temperaturi għoljin bħan-nixfa f’żoni fl-Italja u nirien kbar fil-Portugall, kollox qed jindika li f’pajjiżna it-temperaturi mistennija jitilgħu sew matul il-ġimgħa d-dieħla. Fil-fatt l-arja friska li kellna fl-aħħar jiem u li din wasslet biex it-temperatura naqset, issa qiegħda titlef mis-saħħa tagħha. Antiċiklun Afrikan mistenni jintensifika u dan se jġib temperaturi għoljin. Hu previst li l-ġimgħa d-dieħla t-temperatura mistennija titla’ għal 37°C.

Quddiem il-mewġa ta’ sħana, fejn illum hu fatt li s-sħana u r-raġġi tax-xemx huma aktar qawwija minn dawk ta’ snin ilu, iqajmu l-argumenti dwar il-postijiet tax-xogħol tagħna; it-temperaturi li qed jitħaddmu fihom il-ħaddiema. Iqumu ilmenti dwar postijiet tax-xogħol li m’għandhomx arja kundizzjonata. Fuq kollox hemm l-argument tal-ħaddiema li jaħdmu fl-apert. 

Ħafna minn dawn il-ħaddiema huma barranin. Tara kenniesa u ħaddiema oħra għaddejjin bil-ħidma tagħhom fl-aqwa tax-xemx. Ħaddiema fi kjosks u żoni oħra li għal ħafna ħin jiffaċċjaw temperaturi għoljin.

L-ilmenti mill-postijiet tax-xogħol mhumiex ftit. Jitkellem magħna ħaddiem fi kjosk. “Is-sħana li nħossu hawn hi tremenda. Il-longa tax-xemx waranofsinhar lanqas inkunu nifilħuha. Din li tkun hawn ġurnata sħiħa, espost għax-xemx, li saret qawwija wisq, ġieli taffettwalek saħħtek. Spiss immur bi wġiegħ ta’ ras qawwija. It-tabib jgħidli toqgħodx fis-sħana. X’nagħmel, ma niġix għax-xogħol?,” qalilna l-istess impjegat.

Ħaddiem ieħor minn ġo uffiċċju qalilna li “Arja kundizzjonata m’għandniex. Noqogħdu bit-twieqi miftuħin u b’fann għaddej, allavolja kien hawn min qalilna li jekk niftħu t-twieqi tidħol aktar sħana. Nista’ ngħidlek li bit-twieqi magħluqin ma ssaportejniex.”

Ħaddiem f’ristorant qalilna li “Fil-kċina is-sħana li għandna hi tremenda. Veru li qegħdin ġewwa u għandna anke extractor, imma t-temperatura tant tkun għolja li ġieli jkollna noħorġu minnha għal amamont ta’ ħin għax ma tissapportix”.

Sport