Sunday, December 22, 2024

Mewġa ta’ sħana qiegħda taħkem in-naħa t’Isfel tal-Ewropa

Aqra wkoll

Mewġa ta’ sħana qiegħda taħkem f’diversi pajjiżi li jinsabu fin-naħa t’Isfel tal-Ewropa u l-Afrika, b’temperaturi rekord se jintlaħqu fil-jiem li ġejjin.

It-temperaturi mistennija jaqbżu l-40°C f’partijiet ta’ Spanja, Franza, il-Greċja, il-Kroazja u t-Turkija.

Fl-Italja t-temperaturi jistgħu jilħqu t-48.8°C filwaqt li nħarġet twissija wkoll f’għaxart ibliet, inkluż Firenze u Ruma. Il-midja Taljana rrapportat li ħaddiem ta’ 44 sena waqa’ mal-art minħabba s-sħana u aktar tard tilef ħajtu fl-Isptar.

Fuq Twitter, il-politikanta Taljana Nicola Fratoianni qalet li: “Qegħdin naffaċċjaw temperaturi insapportabbli. Forsi huwa l-każ li fl-aktar sigħat sħan jittieħdu l-prekawzjonijiet utli kollha biex jiġu evitati traġedji bħal dik li seħħet f’Lodi”. Diversi turisti fil-pajjiż diġà sofrew minn heat stroke, fosthom raġel Ingliż barra l-Kolossew f’Ruma.

Il-Met Office fil-pajjiż jgħid li t-temperaturi se jilħqu l-ogħla livell matul il-jum tal-Ġimgħa, u t-temp tal-BBC sostna li partijiet kbar tan-Nofsinhar tal-Ewropa jistgħu jaraw temperaturi li jlaħħqu aktar minn 40 grad. Is-sħana x’aktarx tkompli fi tmiem il-ġimgħa u fi Praga, il-Kapitali tar-Repubblika Ċeka, it-temperaturi jistgħu jilħqu 36 grad is-Sibt, ogħla sew mill-medji ta’ 24 grad f’Lulju.

L-aktar ġurnata sħuna li qatt ġiet irreġistrata fl-Ewropa kienet ta’ 48.8°C u ġiet irreġistrata qrib Sirakuża fi Sqallija f’Awwissu tal-2021.

Aktar minn 60,000 persuna mietu fl-Ewropa kawża tas-sħana matul is-sena li għaddiet. Il-biża’ hi li din il-mewġa ta’ sħana tista’ tikkawża ħafna aktar imwiet dan is-sajf.

Ekonomija

Sport