Wednesday, December 25, 2024

Mewta tajba

Aqra wkoll

Minn Alfred Sant

Forsi minħabba l-pandemija imma sibt lili nnifsi niddiskuti dwar il-mewt it-tajba. Jew forsi għax bħali, uħud minn dawk li kont niddiskuti magħhom jaraw riesaq il-mument meta jinżel is-separju. Minkejja l-aġġettiv ta’ “tajjeb” li poġġejnilu miegħu, għal ħafna s-suġġett tal-mewt jibqa’ makabru.

Kien hemm min qies li mewta tajba tindika dik ta’ persuna li sal-aħħar tibqa’ tosserva l-prattika reliġjuża bl-għeruq u x-xniexel. Imma wkoll min qies li l-aħjar mewt isseħħ bla tbatija u mingħajr wisq għarfien ta’ biża’ sakemm tintemm, speċjalment jekk il-proċess itul.

Għaref fil-klassiċi fostna kellu l-aħjar definizzjoni ta’ kif tkun mewt tajba, li ħadha qalilna mingħand Solon, avukat għaqli minn Ateni. Ħadd ma jista’ jgħodd ruħu li kien hieni fil-ħajja qabel ma jkun miet; u f’hekk tinsab il-mewta tajba. Hawn b’xorti ħażina, d-diskussjoni ddeġenerat: kien Solon jew Sofokle li qal li dil-ħaġa? Personalment niddubita kemm jista’ jkun hawn mewta “tajba”.

***

MHUMIEX SE JIEQFU

Milli jidher, il-laqgħat virtwali se jkollhom jibqgħu għaddejja. It-tieni mewġa tal-pandemija li waslet qabel iż-żmien imbassar għaliha, ftit toffri żvog biex laqgħat bejn individwi jsiru aktar u aktar wiċċ’imb wiċċ. Bil-maqlub, hemm min qed ibassar li r-restrizzjonijiet ta’ kif jinżammu l-laqgħat għad ikollhom isiru aktar stretti.

Issa drajt ir-rutina tal-laqgħat virtwali imma xorta għadni ma nistax napprezza d-dinamika tagħha. Ma jidhirx li jien l-uniku wieħed li qed inħoss hekk.

Nies oħra li tkellimt magħhom, u li mhumiex fost l-anzjani, jesprimu l-istess nuqqas ta’ sodisfazzjon bil-laqgħat li jsegwu. Ovvja li l-laqgħat virtwali huma pass ’il quddiem enormi fuq x’kien jiġri kieku ma kinux possibbli. Biss bihom, is-sentiment li d-deċiżjonijiet qed ikunu diskussi b’mod immedjat u profond qisu jinħall.

***

TIVVOTA BIL-POSTA

Fl-Istati Uniti qed iħejju biex il-votazzjoni għall-President tal-pajjiż issir bil-posta. Il-President Trump xejn ma togħġbu dit-triq għax tippermetti lil aktar u aktar votanti ta’ kontrih jieħdu sehem.

Ippropona li s-servizz postali tal-Istati Uniti… li diġà jinsab f’qagħda finanzjarja diffiċli… jingħata anqas fondi ħalli aktar ma jlaħħaqx mat-talba ta’ min qed jimposta l-vot tiegħu, u dan jasal tard.

Dawn il-manuvri huma koroh. Fl-Istati Uniti, għax dal-pajjiż hu superpotenza, il-biċċa tqajjem kontroversji li madankollu ftit jibdlu l-mod kif jiġu deċiżi l-kwistjonijiet politiċi. Immaġina kieku l-istess manuvri jsiru fil-politika Maltija. Minn kullimkien jiġu mobilizzati l-forzi politiċi u l-NGO’s li jipproklamaw kif dil-gżira qed tikser kull valur morali u politiku tad-demokrazija u jeħtiġilha tibdel ir-rotta inkella tispiċċa taħt kundanna.

Hi d-differenza bejn il-kbir u ż-żgħir…

Ekonomija

Sport