Tuesday, November 26, 2024

Mewta traġika oħra f’post tax-xogħol…

Aqra wkoll

Id-dinja tax-xogħol jumejn ilu reġgħet tilfet ħaddiem ieħor. Tilfet missier, raġel tal-familja. U dan kollu seħħ f’diżgrazzja fatali waqt il-ħin tax-xogħol. Dan kien l-ewwel każ traġiku f’din is-sena imma ma kienx l-uniku f’dawn l-aħħar żminijiet. 

Fix-xhur li għaddew rajna ħaddiema mhux biss ikorru imma jmutu fuq il-lant tax-xogħol għax donnu f’dan il-pajjiż hawn id-drawwa li l-ewwel isiru t-traġedji biex jittieħdu xi passi.

Għax mhux privileġġ li ħaddiem, hu x’inhu u hu min hu, joħroġ għax-xogħol u jirritorna lura d-dar qawwi u sħiħ. Huwa dritt inaljenabbli u f’dan il-kuntest wieħed irid jara jekk il-mekkaniżmi tal-lum li qegħdin hemm għas-salvagwardja tas-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol humiex biżżejjed u humiex effikaċi kif għandu jkun biex jiġu evitati diżgrazzji fuq il-lant tax-xogħol.

Dan li qed ngħidu ma rriduhx jinftiehem li qed nippuntaw subgħajna lejn xi ħadd jew lejn xi naħa. Żgur imma li xi mkien hemm xi ħaġa li mhijiex taħdem kif għandu jkun. 

Jista’ jkun li għadna ngħixu f’kultura fejn fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-ħaddiema m’humiex konxji biżżejjed tar-regolamenti għal ħarsien tas-saħħa u s-sigurta tagħhom stess. 

Dan iżda ma jnaqqas xejn mid-dmir, anzi mill-obbligu ta’ min iħaddem li mhux biss jara imma li jassigura t-tħaris tas-saħħa u l-ħajja tal impjegati tiegħu stess.

Ma jistax ikun aktar li wara xi traġedja bħal ta’ jumejn ilu jsir biss tpaċpiċ u azzjoni xejn. Għalhekk, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol jeħtieġ li jkollha aktar snien biex tigdem lil min jonqos. Wara kull mewta traġika ta’ ħaddiem hemm familja. 

Hemm familja li tibqa’ ssofri r-rimors għomorha kollu. Hemm familja li ebda kumpens materjali jew finanzjarju ma jġibilha lura dak li tkun tilfet.

Il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħajja tal-ħaddiema għandhom ikunu prijorità l-ħin kollu u kullimkien.

Sport