Ritratti: ROGER AZZOPARDI
Mexjin b’ritmu tajjeb ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ riġenerazzjoni li qed isir fil-Ġnien tal-Mall fil-Floriana. Dan il-proġett li qed isir b’investiment ta’ €4.2 miljun mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), mistenni jieħu madwar 12-il xahar biex jitlesta.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-investiment li qed isir f’dan il-ġnien huwa wieħed sostanzjali, bix-xogħlijiet li qegħdin isiru fih se jikkumplimentaw dawk li saru fid-daħla tal-Belt Kapitali.
Ix-xogħlijiet li bdew man-naħa fejn hemm id-Dipartiment tal-Eżamijiet, se jibqgħu għaddejjin tul il-ġnien kollu u jispiċċaw sa fejn il-monument tal-Indipendenza. B’kollox se jsir mas-7,500 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid filwaqt li se tiġi installata sistema ġdida ta’ dawl li se tagħti dehra isbaħ lil dan il-ġnien matul il-lejl.
Apparti minn hekk, se jkun qed jiġu restawrati d-diversi momumenti u anke l-arkati li hemm f’dan il-ġnien waqt li se jitwaħħlu hand rails, bounder walls u se tkun installata sistema ġdida ta’ sigurtà permezz ta’ CCTV cameras u anke funtana ġdida.
“Dan huwa ġnien importanti mhux biss għall-komunità Furjaniża imma għall-Maltin u l-Għawdxin kollha u anke għat-turisti li jżuruna. L-intervent li se jkun qed isir f’dan il-ġnien huwa wieħed ħolistiku. Postijiet bħal dawn, miftuħa għall-pubbliku, jitgawdew b’infrastruttura li jixraq,” qal il-Ministru Borg.
Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) Gino Cauchi, iċ-Chairman tal-GHRC Anthony Agius Decelis u s-Sindku tal-Floriana Davina Sammut Hili.