Friday, November 22, 2024

Mexjin sew fil-miri ambjentali

Aqra wkoll

Malta qiegħda tkompli miexja ‘l quddiem fil-miri ambjentali tagħha. Dan qed isir permezz ta’ diversi proġetti li jinċentivaw il-ħidma għal ambjent aktar nadif u sostenibbli permezz ta’ diversi proġetti oħra fosthom ta’ spazji miftuħa li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Quddiem dan kollu, iżda jibqgħu jqumu l-mistoqsijiet: kemm bħala poplu qegħdin nagħtu sehemna biex dawn l-għanijiet jintlaħqu? Fid-djar tagħna suppoost qegħdin naraw li nixtru prodotti riċiklati. Suppost ukoll li qed nisseparaw li skart fil-boroż propji u li noħorġuhom fil-ġurnata propja. Dawn qed ikunu esegwiti lkoll? Issa li ninsabu fix-xhur tas-sajf, qegħdin naraw li ma nħallux skart żejjed fuq il-bajjiet?

Dawn il-mistoqsijiet u aktar jagħtuna x’nifhmu aħjar dwar l-importanza li nħarsu aktar l-ambjent ta’ madwarna. Wara kollox, dak li nagħmlu llum, igawdu minnu l-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

Iżda min-naħa l-oħra ma nistgħux ma ninnutawx b’sodisfazzjon is-suċċess li qed jinkiseb bl-introduzzjoni tal-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart. Din kienet riforma importanti li r-riżultati tagħha diġà kienu pożittivi ferm, billi qed jinġabar iktar skart organiku, inqas skart imħallat u dan kollu b’inqas traġitti allura inqas traffiku u tnġġiż.
Issa li għandna skeda waħda nazzjonali, apparti li hija konvenjenti għaċ-ċittadini, hemm ukoll aktar konvenjenza għall-awtoritajiet marbuta mal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna. Huwa tajjeb għalhekk li ninnotaw b’mod pożittiv imma fil-fehma tagħna dan il-proġett għandu jkompli jinċentiva lill-Gvern sabiex iwettaq aktar dixxiplina f’dan is-settur.

F’dan l-ambitu wkoll, tajjeb li nitkellmu ftit dwar l-iskema tar-rifużjoni għall-kontenituri tax-xorb (BCRS) li rawmet u tejbet aktar l-għarfien dwar l-importanza tal-immaniġġjar tal-iskart bħala mezz biex jittejjeb l-ambjent ta’ madwarna.

Permezz ta’ din l-iskema diġa nġabru aktar minn 100 miljun kontenitur tax-xorb tal-plastik u tal-aluminju u qiegħda tpoġġi lil Malta fir-rotta li tilħaq il-miri tagħha li tirkurpa 70% tal-kontenituri tax-xorb imqiegħda fis-suq sa l-aħħa tas-sena.

Għalhekk filwaqt li nfaħħru din l-iskema, nemmnu li hemm lok għal aktar titjib biex il-konsumatur ikun parteċipi f’dawn l-iskemi. Iżda mhux il-konsumatur biss għandu jkun responsabbli imma dawk ukoll li jmexxu l-istess skemi.

Ikun aktar għaqli u f’loku li jiżdiedu l-magni tar-riċiklaġġ, mhux bisss imma wkoll li dawn ikunu jaħdmu l-ħin kollu. Ngħidu dan għaliex ġieli smajna b’ilmenti ta’ konsumaturi li marru jitfu l-flixken fil-magni u sabu li dawn ma kinux jaħdmu. Għalhekk jeħtieġ li l-operaturi jassiguraw li l-magni jaħdmu b’effiċjenza u jilħqu l-iskop tagħhom.

B’dankollu huwa xorta ammirevoli l-fatt li kieku ma saritx din l-inizjattiva tal-BCRS dawn il-miljuni kollha ta’ flixken partikularment dawk tal-plastik kienu jispiċċaw mormija x’imkien b’detriment qawwi għall-ambjent naturali tagħna.

Sport