It-theddida mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump li jimponi tariffi ġodda fuq tmien alleati li qed jopponu l-proposta tiegħu li jakkwista Greenland, ġiet ikkundannata mill-mexxejja Ewropej.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer saħaq li din il-mossa hija kompletament żbaljata filwaqt li l-President Franċiż Emmanuel Macron sejjaħ dak li ħabbar il-President Trump bħala xi ħaġa li fil-fehma tiegħu hija inaċċettabli.
Il-kummenti saru wara li Trump ħabbar tariffa ta’ 10% fuq oġġetti mid-Danimarka, min-Norveġja, mill-Iżvezja, minn Franza, mil-Ġermanja, mir-Renju Unit, mill-Olanda u mill-Finlandja. Din hija mistennija li tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar, iżda aktar ’il quddiem tista’ titla’ għal 25% u ddum sakemm jintlaħaq ftehim.
Wara t-theddid ta’ Trump, l-Unjoni Ewropea sejħet laqgħa ta’ emerġenza fi Brussell nhar il-Ħadd. Din il-laqgħa involviet ambaxxaturi mis-27 pajjiż tal-UE. Sadanittant, eluf ta’ nies ħarġu fit-toroq fi Greenland u d-Danimarka nhar is-Sibt bi protesta kontra l-proposta ta’ kontroll mill-Istati Uniti.
Greenland għandha popolazzjoni baxxa iżda hija rikka fir-riżorsi u l-post tagħha bejn l-Amerika ta’ Fuq u l-Artiku jagħmilha f’pożizzjoni tajba għal sistemi ta’ twissija bikrija f’każ ta’ attakki bil-missili.

