Tuesday, February 3, 2026

Mexxejja ta’ knejjes sigrieti arrestati fiċ-Ċina

Aqra wkoll

Mexxejja ta’ knisja prominenti sigrieta ġew arrestati fix-Xlokk taċ-Ċina u skont stqarrija tal-istess knisja, dawn l-arresti jirrappreżentaw l-aħħar daqqa ta’ ħarta f’dik li tidher li hija investigazzjoni wiesgħa fuq gruppi Kristjani mhux irreġistrati fil-pajjiż.

Nhar it-Tlieta, il-mexxej tal-Knisja tal-Patt ta’ Early Rain, ġie arrestat mill-pulizija u ttieħed minn daru f’Deyang, belt żgħira fil-provinċja ta’ Sichuan. Martu ġiet arrestata wkoll, flimkien ma’ żewġ membri oħra tal-knisja. Mill-inqas erba’ membri oħra ttieħdu u aktar tard inħelsu, filwaqt li oħrajn għad ma sarx kuntatt magħhom.

L-investigazzjoni segwiet l-arrest ta’ 18-il membru anzjan tal-Knisja ta’ Zion, knisja sigrieta prominenti oħra, f’investigazzjoni nazzjonali f’Ottubru. F’Diċembru, kien hemm ukoll rapporti ta’ madwar 100 membru ta’ knisja mhux uffiċjali oħra fil-provinċja ta’ Zhejiang li ġew detenuti, skont Human Rights Watch.

Yalkun Uluyol, riċerkatur Ċiniż fl-NGO tad-drittijiet tal-bniedem, sostna li d-detenzjoni reċenti tal-membri ta’ knisja sigrieta Early Rain tidher li hija parti minn attakk sfaċċat tal-gvern Ċiniż fuq il-knejjes fiċ-Ċina.

Hekk kif Beijing qed tissikka l-kontroll ideoloġiku tagħha, il-knejjes mhux uffiċjali qed jitqiesu bħala ‘diżubbidjenti’ għall-ideoloġija tal-partit Komunista u, għalhekk, qed iħallsu prezz għoli.

Membru ta’ Early Rain ġie nterrogat fuq akkużi li qanqal ġlied u pprovoka l-inkwiet, reat ġenerali użat biex jimmira lejn kull min il-gvern iqis bħala wieħed li jikkawża l-inkwiet.

Mhuwiex ċar jekk in-nies li għadhom miżmumin ġewx akkużati formalment. L-uffiċċji tas-sigurtà pubblika f’Deyang u Chengdu, il-kapitali ta’ Sichuan, irrifjutaw li jikkummentaw.

Early Rain hija waħda mill-aktar “knejjes tad-djar” mhux uffiċjali magħrufa fiċ-Ċina. Hija msejħa hekk għaliex il-fidili jiltaqgħu f’laqgħat privati aktar milli f’postijiet sanzjonati mill-istat. Il-fundatur tal-knisja, Wang Yi, studjuż legali prominenti u attivist tad-drittijiet tal-bniedem, ingħata sentenza ta’ disa’ snin ħabs fl-2019 talli inċita sovversjoni tal-poter tal-istat.

Għalkemm il-Partit Komunista Ċiniż jippromwovi l-ateiżmu, il-kostituzzjoni taċ-Ċina tiggarantixxi l-libertà reliġjuża u l-gvern jirrikonoxxi formalment ħames reliġjonijiet: il-Kattoliċiżmu, il-Protestantiżmu, l-Iżlam, it-Taoiżmu u l-Buddiżmu.

Iżda taħt it-tmexxija tal-President Xi Jinping, l-ispazju għal-libertà reliġjuża ġie mnaqqas, u hemm il-biża’ li kwalunkwe tip ta’ attività reliġjuża barra minn postijiet sanzjonati mill-istat qed tiġi mrażżna.

F’Settembru, iċ-Ċina introduċiet regoli ġodda li jipprojbixxu gruppi reliġjużi mhux liċenzjati milli jagħmlu priedki online. Xi Jinping mexxa laqgħa ta’ membri anzjani tal-Partit Komunista Ċniż li matulha ħeġġeġ għas-“sinizzazzjoni tar-reliġjonijiet”. Il-Kristjani rrappurtaw xhur ta’ pressjoni u interrogazzjonijiet dejjem akbar mill-awtoritajiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport