Il-kowċ ta’ Birkirkara Stefano de Angelis rebaħ l-unur tal-aqwa kowċ tat-360 Sports Malta Premier hekk kif ilbieraħ saru l-MFCA Awards f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema.
Fit-tieni post ta’ din il-kategorija spiċċaw żewġ kowċis bl-istess numru ta’ punti, Paul Zammit ta’ Sliema Wanderers u Darren Abdilla ta’ Floriana.
Thane Micallef ta’ Valletta rebaħ l-unur tal-aqwa kowċ tal-BOV Challenge League segwit minn Jacques Scerri ta’ Tarxien Rainbows..
Fl-Izibet Amateur League, Jason Camenzuli ta’ Vittoriosa Stars u Oliver Spiteri ta’ Victoria Hotspurs kisbu suċċess fl-unuri tal-Amateur League 1 u 2 rispettivament.
Fil-kategoriji taż-żgħażagħ, Andrea Vella u Duncan Micallef ġew rikonoxxuti bħala runner-up u rebbieħ rispettivament tal-U/15 League, waqt li Glendon Refalo u Ansil Briffa ħadu l-unuri fl-U/17. Kurt Baldacchino u Etienne Vella (Naxxar) ġew onorati fil-Youth League.
F’Għawdex, Shaun Bajada u Daniel Bogdanovic rebħu t-titli rispettivi fil-kampjonati Għawdxin tal-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni. Fil-kategoriji tal-kowċis, Etienne Vella (Balzan) ġie ppreżentat bħala Nursery Head Coach tas-sena, waqt li Romeo Schembri kiseb ir-rikonoxximent bħala Goalkeepers’ Coach tas-sena.
Il-futbol tan-nisa ġie wkoll rikonoxxut, b’Dorianne Theuma tirbaħ l-aqwa kowċ u Shona Zammit l-aqwa plejer tal-istaġun.
Il-premju tat-Tim tas-sena mar għand Birżebbuġa St Peter’s, b’Victoria Hotspurs bħala runner-up.
L-MFCA Awards baqgħu jservu bħala pjattaforma ta’ rikonoxximent u motivazzjoni għas-suċċessi futuri tal-kowċis.