Minn Critian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?
L-interess tiegħi f’dan l-isport beda pjuttost riċentement. Ma kelli l-ebda idea x’jinvolvi, imma meta bdejt l-isport bdejt inħossni erġajt sirt tifel żgħir peress li bdejt niġri, naqbeż minn ostaklu għall-ieħor, nitla’ mal-ħitan, niddendel mal-ħbula fost l-oħrajn. Imbagħad bdejt nikkompeti f’kompetizzjonijiet lokali, kif ukoll barra minn Malta.
X’suċċessi maġġuri ksibt sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Il-fatt li fi żmien qasir irnexxieli nikkwalifika biex nipparteċipa fit-tim Nazzjonali tal-OCR Malta, għalija dan huwa pass importanti fih innifsu. Iktar kmieni din is-sena irrappreżentajt lil Malta kemm fil-Kampjonat Ewropew tal-OCR fil-Portugall, kif ukoll fil-bidu ta’ dan ix-xahar fil-Kampjonat Dinji tal-OCR fl-Iżvezja.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Julian Briffa?
Kien Julian li proprju introduċieni għall-isport. Kien ukoll hu li ħeġġiġni biex nibda nikkompeti. Minn kowċ spiċċa mentor, mhux għalija biss, imma għal oħrajn li jitħarrġu taħt il-gwida tiegħu, għax kapaċi jassoċja l-isfidi li nsibu waqt l-isport mal-isfidi tal-ħajja. Dan jagħti perspettiva differenti meta tkun qed tikkompeti; bħal fil-ħajja, jekk ma tmurx tajjeb f’tellieqa trid tqum lura fuq saqajk, titgħallem mill-iżbalji u timxi għall-isfida li jmiss. Julian dejjem jenfasizza li kull tellieqa hija lezzjoni fiha nnifisha; tista’ ma tiksibx ir-riżultat li tixtieq, imma dejjem tista’ titgħallem xi ħaġa ġdida.
Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna?
Waqt it-taħriġ tiegħi għandi l-opportunità li nitħarreġ u naħdem ma’ atleti żgħażagħ tagħna u dawn qed jistabbilixxu livell għoli. Kemm fil-Kampjonat Ewropew tal-OCR kif ukoll fil-Kampjonat Dinji tal-OCR riċenti, l-atleti żgħażagħ marru verament tajjeb. Hekk kif jgħaddi ż-żmien, dawn l-atleti qed jiżguraw li l-livell tal-OCR lokalment qed jgħola b’mod konsistenti.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet ufficjali taghkom?
Nitħarreġ f’The Club li huwa mgħammar tajjeb ħafna b’kull tip ta’ ostaklu. Għandna wkoll komunità sabiħa ħafna fejn nappoġġjaw lil xulxin. Anke jekk nikkompetu kontra xulxin, fl-aħħar mill-aħħar aħna qisna familja – niċċelebraw is-suċċess ta’ xulxin u nappoġġjaw lil xulxin fit-telfiet tagħna.
Kowċ Julian jinvesti regolarment f’ostakli u taħriġ differenti biex jiżgura li nitjiebu u mmorru aħjar.
Nipparteċipa fil-League Uffiċjali tal-OCR Malta, fejn għandi l-opportunità li nikkompeti kontra wħud mill-aqwa atleti lokali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?
Ovvjament l-għan tiegħi hu li nibqa’ nsaħħaħ l-abilitajiet tiegħi u nagħmel l-almu tiegħi fi kwalunkwe kompetizzjoni li nipparteċipa fiha, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta. Imma dejjem inżomm f’moħħi li jien nipprattika l-isports għax jgħini nibqa’ attiv u nieħu gost.
Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.
M’għandekx bżonn tkun l-aktar veloċi jew l-aktar b’saħħtek biex tibda l-OCR. Kull ostaklu huwa ċans biex tikber u kull tellieqa hija pass ‘il quddiem. Tfaċċa, agħti dak li għandek u ssib saħħa li ma kontx taf li kellek, kemm fuq il-korsa kif ukoll fik innifsek!