IŻ-ŻIEDA FL-INFIQ MILITARI…
F’laqgħat tan-NATO u tal-Kunsill Ewropew il-mexxejja Ewropej iddiskutew u qablu li jżidu bil-qawwi l-infiq fuq id-difiża. Fil-fatt, bl-argument li hemm bżonn ta’ sigurtà fl-Ewropa, mit-taxxi tagħhom iċ-ċittadini Ewropej se jħallsu għal armamenti u mhux lejn għanjiet soċjali. B’reazzjoni għal dan, l-Unjoni Ewropea tal-Unjins tal-Ħaddiema (ETUC) sostniet li dan m’għandux iwassal għal attakki fuq il-livell tal-għixien tan-nies.
Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej l-infiq fuq id-difiża jammonta għal bejn 1% u 2% tal-Prodott Gross Domestiku, iżda l-membri NATO issa qablu li sal-2035 dan jitla’ għal 5%. F’dan il-kuntest, il-mexxejja kkonsidraw mod kif “jiżdiedu b’mod sostanzjali l-ispejjeż fuq id-difiża u s-sigurtà Ewropea”.
Din “id-difiża u s-sigurtà” għandha prezz għoli. Id-deċiżjoni saret fl-aħħar laqgħa tan-NATO f’Armsterdam fejn Franza kull sena se tonfoq $155 biljun; il-Ġermanja $225 biljun; ir-Renju Unit $165 biljun. Dawn l-ammonti huma aktar minn dak li jonfqu għas-saħħa u l-edukazzjoni magħquda flimkien. Dan l-infiq esaġerat qiegħed isir fi żmien fejn il-popli, inklużi l-Ewropej, qegħdin jiffaċċja l-kriżi tal-għoli tal-ħajja b’persuni jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, ikel biżżejjed biex jieklu u nuqqasijiet oħra.
L-ETUC titlob biex l-infiq soċjali jibqa’ protett
Min-naħa tagħha l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejd Unjins (ETUC) qalet li tappoġġja politiki ta’ sigurtà kooperattivi li jassiguraw li l-Ewropa tibqa’ żona ta’ paċi, rispetta r-regoli, id-drittijiet tal-bniedem u l-progress soċjali. Madankollu, qiegħda tħeġġeġ biex l-infiq soċjali jibqa’ protett. Dan quddiem il-fatti li fondi tal-UE li oriġinarjament kienu maħsuba għal programmi ta’ koeżjoni u rkupru, diġà ġew imnaqqra biex “jiħxien” is-settur tad-difiża.
Economista Belġjan avża li jilħaq il-mira NATO ta’ 5% tal-PGD se jġib spejjeż ta’ madwar €6,000 għal kull dar. Fl-istess ħin studju tal-Parlament Ewropew wera li l-prezzijiet għoljin u l-ispejjeż tal-ħajja jibqgħu l-ogħla prijorità għall-Ewropej.
Is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC, Esther Lynch, qalet li, “bħala rappreżentanta tal-ħaddiema fl-Ukrajna, nieħu b’mod serju ħafna l-bżonn li jissaħħu l-kapaċitajiet tas-sigurtà u d-difiża Ewropea. Madankollu, l-infiq fuq id-difiża ma jistax iwassal għal attakki fuq il-livell tal-ħajja tan-nies madwar l-Ewropa”.
Hemm il-kriżi tal-għoli tal-ħajja wkoll…
Is-Segretarju Ġenerali ta’ din il-Konfederazzjoni temmen li l-UE għandha tieqaf tattakka fondi soċjali diġà insuffiċjenti u li l-gvernijiet m’għandhomx jagħmlu lill-ħaddiema, lill-pensjonanti u lill-persuni b’diżabilità jħallsu l-prezz ta’ miri mhux realistiċi. Hija qiegħda tħeġġeġ investiment fis-servizzi pubbliċi biex il-kontinwazzjoni tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja ma twassalx għal tnaqqis fid-devozzjoni pubblika lejn il-proġetti Ewropej.
Esther Lynch qiegħda tistaqsi, “kif jista’ jkun li iżjed flus qegħdin jintefqu għal difiża li jservu biss biex iħaxnu l-but tal-azzjonisti u tal-maniġers tal-kumpaniji tal-armamenti”. Kien hawn li nsistiet li l-finanzjament għandu jkun marbut ma’ kundizzjonijiet soċjali, inklużi ftehimiet kollettivi li jassiguraw pagamenti ġusti u kundizzjonijiet ta’ xogħol xierqa għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema tas-settur.