Friday, January 31, 2025

“M’għandu jkun hemm ebda forma ta’ pressjoni fuq it-tliet pilastri tal-ħaqq u d-dritt”⁠ ⁠

Il-President Myriam Spiteri Debono f’Jum ir-Repubblika

Aqra wkoll

“Hemm bżonn li nkunu ċari u diretti fil-linji li għad hemm bżonn biex pajjiżna, it-tmexxija tkun verament f’idejn dawk magħżula mill-poplu. Ejjew noqogħdu attenti illi ma nidħlux f’saqajn xulxin. Dan jgħodd speċjalment għal ċertu istituzzjonijiet li għandhom dmirijiet u rwoli speċifiċi. Qed nirreferi b’mod partikulari għall-Qrati, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija. It-tlieta li huma fi rwoli separati tagħhom, fdati bl-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

“M’għandu jkun hemm ebda forma ta’ pressjoni minn irkejjen varji fuq dawn it-tliet pilastri tal-ħaqq u tad-dritt. Kull tip ta’ pressjoni wkoll jekk ġejja minn intenzjonijiet tajba hija perikoluża; anke l-intenzjonijiet tajba jistgħu jitfgħuna f’infern.” Iddikjarat dan il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fid-diskors tagħha fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika.

Hija bdiet billi qalet li 50 sena ilu, ir-rappreżentanti tal-poplu, fil-maġġoranza kwazi assoluta tagħhom, iddeċidew li Malta għandha tkun Repubblika. Bis-saħħa tas-sovranità li l-Indipendenza tat lil pajiżna għaxar snin qabel, ir-rappreżentanti tal-poplu ħadu din id-deċiżjoni storika li ssarrfet fi żvilupp kostituzzjonali u demokratiku ta’ pajjiżna.

Filwaqt li sellmet u raddet ħajr lill-Presidenti kollha ta’ qabilha, il-President Spiteri Debono qalet li hija għadha fl-ewwel sena, tal-ħames snin tal-prova tagħha. Qalet li l-ħatra tagħha bir-regoli ġodda kostituzzjonali li seħħew fl-2020, kienet prova konkreta li l-poplu tagħna kapaċi jkun vuċi waħda u l-ftehim jasal għalih.
Ftehim li fi kliemha rari jseħħ mil-lum għal għada, ħafna drabi jieħu ż-żmien u jdum biex jirnexxi. Ukoll biex Malta saret Repubblika 50 sena ilu, kien hemm diskussjonijiet u negozjati li ħadu xhur twal.

Il-President Spiteri Debono qalet li hekk ġara fl-1987, meta saru l-emendi għal liġi elettorali biex pajjiżna jkun immexxi minn min ikollu l-maġġoranza tal-voti warajh, liġi li wara reġgħet ġiet irfinata biex in-numru ta’ siġġijiet ikun jirrappreżenta b’mod aktar ekwu l-voti mitfugħa fl-ewwel għadd.
Hawn saħqet li għad baqa’ xi jsir u hemm lok fejn ir-rabta bejn il-voti fl-ewwel għadd u s-siġġijiet fil-Parlament tkun aktar perfezzjonata. “Dan ikun jagħmilha aktar possibbli li l-minoranzi jkollhom rappreżentanza Parlamentari. Bis-sistema elettorali preżenti, din hija biss possibiltà impossibbli li fir-realtà teżisti biss bejn il-linka tal-virus.”

Hija kompliet tgħid li biex wieħed jasal għal ċertu tibdiliet li jridu l-appoġġ meħtieġ, qabel ma jkun hemm ftehim manifestat fil-liġijiet, irid ikun hemm ir-rieda, xebħ fil-ħsieb u biex wieħed jersaq lejn il-mejda ta’ diskussjoni ċivili, l-atmosfera trid tkun kordjali.

Tkellmet ukoll dwar il-Kunsilli Lokali, li twaqqfu 30 sena ilu, li huma intiżi biex iċ-ċittadin ikollu post aktar dirett fit-tmexxija, almenu fil-lokalità fejn jgħix. Staqsiet iżda jekk hux qed naraw li l-Kunsilli qed nipprovdulhom l-għodda u l-finanzi neċessarji sabiex ikollhom rwol aktar attiv fil-komunità.

Qalet li mil-laqgħat li jkollha kif ukoll minn dak li ssegwi fil-midja, jasal illi ħafna drabi hemm nuqqas ta’ kordinament bejn il-Kunsilli u l-Awtoritajiet Ċentrali. Għalhekk, enfasizzat li għandha tkun stabbilita linja ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet u l-Kunsilli Lokali filwaqt li jeħtieġ li l-Kunsilli jinżammu infurmati b’dak li jolqot il-lokalità tagħhom.

“Anqas ma r-rappreżentanti tal-poplu jagħtuh x’jagħmel lill-Kummissarju tal-Istandards, aktar ikun jistħoqqilhom it-titlu ta’ Onorevoli”

Semmiet ukoll kif ġew imnedija liġijiet intiżi biex iċ-ċittadin jiżdidulu t-toroq ta’ rikors, fejn iħossu milqut inġustament u wkoll liġijiet sabiex ikun hemm aktar skrutinju u dixxiplina fit-tmexxija. Fosthom l-Att li stabbilixxa l-Uffiċċju tal-Ombudsman, l-Att li pprovda għall-ħatra ta’ Awditur Ġenerali u l-Att li ħaseb għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards.

Dwar din tal-aħħar, il-President qalet li ħafna drabi l-perċezzjoni tal-Kumitat Parlamentari konness ma’ din l-istituzzjoni hi li l-membri tiegħu jimxu fuq linji partiġġjani, fuq l-istruzzjonijiet tal-whips, f’dawn iċ-ċirkostanzi għalhekk ikun il-casting vote tal-Ispeaker li jiddetermina l-eżitu. Iżda dawn l-istanzi jpoġġu taħt il-lenti l-pożizzjoni tal-Ispeaker.

“Wasal iż-żmien biex neżaminaw il-mod kif il-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati tkun aktar b’saħħitha?,” staqsiet il-President. “Ngħid dan li ġej biex ikun hemm lok għar-riflessjoni. Pereżempju, jinħatar b’maġġoranza sempliċi u tkun evitata li tiġi stallata l-għażla, iżda t-tneħħija tkun deċiżjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra.”

Hija qalet ukoll li l-Membri Parlamentari huma responsabbli kollettivament u individwalment għall-istampa li ċ-ċittadini jaraw quddiemhom meta tissemma’ l-kelma Parlament. “Mhux sewwa li kulħadd jintefa’ f’keffa waħda u min ma jeżerċitax galbu u onestà mhux qiegħed jonqos biss lejn il-poplu imma qiegħed jonqos ukoll lejn il-membri l-oħra tal-Parlament li huma onesti u integri u nżid jonqos ukoll lejh innifsu. Nibqa’ ngħid li anqas ma r-rappreżentanti tal-poplu jagħtuh x’jagħmel lill-Kummissarju tal-Istandards, aktar ikun jistħoqqilhom it-titlu ta’ Onorevoli.”

“Sinċerament jidhirli li wasal iż-żmien li neżaminaw bis-serjetà kif għandna nsaħħu l-istituzzjoni Parlamentari, u magħha wkoll il-liġi elettorali fejn tidħol il-formazzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti – minn żmien għal żmien tissemma l-mistoqsija jekk wasalx il-waqt illi l-Membri Parlamentari jkunu full time,” kompliet tgħid il-President.

Qalet li xejn ma jżomm lill-Membri Parlamentari stess, li inizjattiva bħal din ikunu huma li jixprunawha, mhux biss fil-partiti rispettivi iżda wkoll fil-forum Parlamentari sttess, b’kumitat ad-hoc bil-poteri biex din il-materja tiġi mistħarrġa u jsiru rakkomandazzjonijiet.

“Baqgħalna fejn intejbu u nsaħħu l-istituzzjonijiet”

Il-President Spiteri Debono żiedet tgħid li huwa desiderabbli wkoll illi r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn inkjesti pubbliċi jkunu implimentati. Saħqet li għandu jingħalaq il-proċess tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta Sofia. Fuq dawn diġà sar ħafna xogħol taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Fakkret ukoll illi l-inkjesta pubblika Caruana Galizia, tefgħet lenti fuq il-professjoni ġurnalistika. Qalet li hemm bżonn li tissokta d-diskussjoni dwar ir-rikonoxximent tal-ġurnaliżmu bħala parti mill-għodda tad-demokrazija.

“F’pajjiżna baqgħalna fejn intejbu u nsaħħu l-istituzzjonijiet, u nwessgħu aktar it-triq tad-demokrazija biex iċ-ċittadini jħossuhom aktar parteċipi. Is-soċjetà ċivili, bl-għaqdiet fi ħdanha, bil-kontribut ta’ sigħat twal ta’ ħidma volontarja, għad hemm lok fejn tissaħħaħ u tinfirex. Il-parteċipazzjoni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha tkun inkoraġġuta u jingħata piż lill-problemi li ż-żgħażagħ iħossu li qed jaffrontaw,” qalet il-President Spiteri Debono.

Qalet li wieħed mill-akbar piżijiet li ż-żgħażagħ qed iħossu, jidher li hija s-sitwazzjoni tal-propjetà immobbli meta dawn jiġu biex ikollhom darhom. “Din is-sitwazzjoni tiġbor fiha ħafna elementi illi jekk irridu naslu xi mkien, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati f’daqqa.”
Tenniet ukoll li l-preservazzjoni tal-binjiet fiċ-ċentri tal-irħula u l-ibliet, il-bini ġdid invadiv fuq l-ambjent, l-infrastruttura meħtieġa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi, ir-rikonoxximent li l-bniedem għandu jiġi kkunsidrat b’mod sħiħ; dan, u ħafna aktar jistgħu jiġu rfinuti. 

Sport