Monday, November 4, 2024

“M’għandu jkun hemm l-ebda lok għal imġiba jew kliem razzist jew ksenofobiku” 

Il-President ta’ Malta, George Vella

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta, George Vella, esprima t-tħassib tiegħu dwar kif it-tnaqqir tal-ġmiel naturali jista’ wkoll jirriżulta f’nuqqasijiet tal-kwalità tal-prodott turistiku Għawdxi li jfittxuh mhux biss it-turisti, iżda anke eluf ta’ Maltin. Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum ir-Repubblika f’Għawdex, il-President Vella qal li: “Is-seħer ta’ Għawdex irridu nibżgħu għalih, għax miegħu jaf jintilef ħafna iktar”. Żied jgħid li l-kwalità tal-ħajja vera tagħna u ta’ wliedna tiddependi mill-ambjent ta’ madwarna. 

Fid-diskors tiegħu, il-President tkellem dwar tbatijiet li għaddejjin minnhom bosta fis-silenzju. Semma l-abbużi u l-vjolenza domestika, il-vizzji qerrieda ta’ xorb alkoħoliku u drogi, u dak insidjuż ħafna tal-logħob tal-azzard, il-hate speech fuq il-midja soċjali, u l-bullying fiżiku jew virtwali. “Ħadd minna m’għandu soluzzjoni għal dan kollu li qed insemmi, iżda lkoll għandna responsabbiltà u sehem x’nagħtu,” qal il-President waqt li appella lill-vittmi u lil qrabathom biex jitkellmu u jfittxu l-għajnuna. Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet, qal il-President, iridu jkomplu jagħmlu l-almu tagħhom li l-mezzi u l-għodod li għandhom biex jittaffew dawn il-pjagi soċjali jintużaw b’mod effiċjenti, bid-dinjità mistħoqqa u bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. 

Il-President Vella qal li l-ġustizzja soċjali trid titgawda minn kulħadd – il-Malti, l-Għawdxi, u l-barrani, u esprima tħassib li għadna nsibuha bi tqila bħala poplu li nimplimentaw l-integrazzjoni tal-barranin fostna. “M’għandu jkun hemm l-ebda lok għal imġiba jew kliem razzist jew ksenofobiku fis-soċjetà tagħna u hemm bżonn nedukaw lilna nfusna, l-ewwel u qabel kollox”, wissa l-President. 

B’referenza għad-diskussjoni li għaddejja bħalissa f’pajjiżna, il-President Vella reġa’ tenna t-tama tiegħu li “Bid-diskussjonijiet li għaddejjin, tinstab soluzzjoni li biha jiġu indirizzati l-punti kollha li qegħdin jiġu espressi mill-esponenti differenti f’dan id-dibattitu”. 

Il-President għamel sejħa lil kull wieħed u waħda minna biex, minkejja d-differenzi u d-diverġenzi, inkomplu nfittxu l-għaqda ta’ bejnietna u nħabirku għall-paċi madwarna u lil hinn. “Ejjew inkomplu inħarsu ’l quddiem b’mod kostruttiv u b’saqajna mal-art. Ejjew nibqgħu niġbdu ħabel wieħed biex insaħħu l-ġid komuni u niksbu riżultati dejjiema, bħala poplu wieħed u magħqud,” temm jgħid il-President. 

Sport