Saturday, October 25, 2025

M’għandux ikun hemm kompromessi mal-interessi nazzjonali tagħna – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Ian Borg qal li m’għandux ikun hemm kompromessi mal-interessi nazzjonali u l-valuri soċjal-demokratiċi tagħna.  Meta kien qed jagħlaq it-tieni sessjoni tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, Borg qal li dan qed isir fl-isfont tal-ħidma ta’ kuljum man-nies u b’ġustizzja soċjali mill-Gvern Laburista. 

Sostna li Malta rrikonoxxiet l-Istat tal-Palestina, filwaqt li n-newtralità militari tagħna m’għandhiex tkun kompromessa ma’ xejn u ma’ ħadd.  Żied jgħid li aħna kburin li għal 21 sena qed nagħmlu mill-aħjar mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, iżda wkoll jeħtieġ relazzjoni tajba ma’ pajjiżi oħrajn bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti, għax l-interessi tagħna, aħna rridu nieħdu ħsiebhom.

Id-Deputat Prim Minsitru spjega li l-Partit Laburista għandu grupp parlamentari dinamiku li mhux biss mill-Kabinett, iżda wkoll mill-backbench qed iressqu proposti u jwettqu ħidma li qed tissarraf f’ġid għan-nies.  Sostna li kull min għandu rwol ta’ deċiżjoni fil-Gvern qed jaffettwa ħajjet il-familji u għalhekk il-Partit Laburista baqa’ jirbaħ mill-2008 ‘l hawn għax ħa ħsieb lill-poplu.

Borg qal li n-nies għadhom iridu jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Partit Laburista, għax dan il-partit li qed jaħseb għal viżjoni fit-tul għall-pajjiż, iżda wkoll għall-ħtiġijiet immedjati tan-nies, b’ħidma u b’azzjoni li qed jittieħdu mill-Gvern Laburista.

Id-Deputat Prim Ministru qal li meta n-nies jaraw dan l-impenn ikomplu jikkonvinċu ruħhom li dan il-partit għad fadallu dik il-grinta biex imexxi lil Malta ‘l quddiem.  Staqsa jekk ma jkunx il-Partit Laburista fil-Gvern, min jista’ jagħmel dan.  Irrimarka li kien ikun aħjar dawk li jsiefru lil hinn minn xtutna jġibu lil Malta l-ewwel u qabel kollox. 

Spjega li Gvern Laburista ħa deċiżjonijiet kuraġġużi bħal fil-każ ta’ Kemmuna u l-kwistjoni ta’ Manoel Island.  Qal li fejn kien hemm nuqqasijiet qed nitgħallmu u npoġġu bil-qegħda biex nisimgħu x’għandhom xi jgħidu n-nies u l-NGOs dwar realtajiet varji li qed jiltaqgħu magħhom.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Partit Laburista għandu jkompli jżomm ir-rabta li għandu man-nies, billi jibqa’ jmur jiltaqa’ man-nies bieb, bieb.  Sostna li l-Partit huwa miftuħ u għadu qed jiġġedded, u bi tmexxija għaqlija tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Partit Laburista jkun fil-Gvern, għax verament nemmnu li Malta għandha tkun dejjem l-ewwel u qabel kollox.

Qabel id-diskors tad-Deputat Prim Ministru, saret diskussjoni dwar mozzjoni li trattat x’qed jistenna l-Partit Laburista mill-Budget għas-sena d-dieħla b’interventi minn Ezekiel Psaila, Mariah Meli, Nigel Vella, Alex Muscat, Naomi Cachia, Byron Camilleri u Michael Falzon. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport