Ġiet f’pajjiżna bħal ħafna ħaddiema oħra biex tgħajjex lil familtha. Waslet mill-Bangladesh. Dejjem kienet leali lejn il-post tax-xogħol tagħha tant li kienet imfakkra u mitlubha tikkomunika bl-Ingliż f’isem sħabha. Ir-realtà tal-ħajja f’pajjiżna wasslet biex bdiet relazzjoni u nqabdet tqila u kellha tieħu l-leave tal-maternità.
Daħlet lura għax-xogħol. Biss dlonk sabet ma wiċċha sitwazzjoni fejn bdew ġejjin il-problemi. Minħabba t-tarbija u l-kura tagħha, talbet li taħdem ħinijiet partikolari u kien hawn li hi bdiet tesperjenza fastidju regolari. Il-każ mar għall-agħar meta hi riedet li tredda’ t-tarbija tagħha u peress li ma kinitx tkun magħha fuq il-post tax-xogħol, riedet li tiġbed il-ħalib minn sidirha u dan anke minħabba l-fatt li kienet qiegħda tkun muġugħa fejn kemm-il darba kellha ddum 12-il siegħa fuq saqajha u bla ma tiġbed il-ħalib.
Minn hawn ‘lquddiem bdiet issir pressjoni anke fuq ħaddiema sħabha biex dawn jirrapurtawha u ma jikkoperawx magħha bil-ghan li hi tħalli l-post tax-xogħol tagħha. Dawn ukoll huma minn pajjiżi terzi u ovvjament minħabba biża’ bdew ukoll jagħmlu pressjoni fuqha. Biex tkompli tiżdied il-pressjoni fuqha, twaħħlet camera tas-sigurtà.
Il-pressjoni biex taċċetta kollox u lanqas titkellem żdiedet tant li beda jsirilha theddid serju ħafna fosthom li jaf titkeċċa u tispiċċa bla xogħol u tiġi deportata, li tista’ tispiċċa l-ħabs għax tiġi illegali f’pajjiżna u anke li jeħdulha t-tarbija u jpoġġuha f’orfanatrofju jew jagħtuha lil terzi.
Is-sitwazzjoni eskalat tant li ntbagħtet formola ta’ tkeccija mill-impjieg lil Jobs Plus, li fiha infurmaw li l-impjieg tagħha kien ġie tterminat bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu. Sadanittant riduha wkoll tħallas il-multa marbuta mal-leave tal-maternità, li tammonta ghal madwar €5,500 izjed minn 6 xhur paga. Il-pressjoni u l-abbuż fuq din l-impjegata tant kien kbir li hi qed tallega wkoll li saret ittra b’firma falza tagħha.
IT-TORĊA stħarrġet fuq dan il-każ serju. Għal diversi jiem din l-impjegata kienet litteralment daharha mal-ħajt. Ma tafx x’se tagħmel u b’inkwiet kbir li spiċċat bla xogħol u tista’ titkeċċa minn Malta. Meta qatghet qalbha waqt li fl-istess ħin bdiet tbati minn dipressjoni ġiet riferuta lill-GWU u hawn mill-ewwel sabet l-għajnuna tas-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, Brian Bonniċi, li daħal fil-każ. Ma kienx każ faċli, anki waqt in-negozjati.
Finalment f’negozjati mhux faċli, fl-aħħar rebaħ is-sens komun. Rebħa għal din il-ħaddiema u rebħa għall-GWU. Fejn saħansitra l-ħaddiema ġiet meħlusa wkoll milli tħallas is-somma mitluba. Rebħa li minnha toħroġ tagħlima li l-ħaddiema minn pajjiżi terzi għandhom mhux biss ikunu konxji u jafu id-drittijiet tagħhom imma anke ifittxu l-protezzjoni.
Minn dan il-każ joħroġ ukoll li qegħdin naraw xejra ġdida dik li sidien ta’ postijiet tax-xogħol, idawru ħaddiema terzi kontra sħabhom stess u dan quddiem it-theddida li jistgħu jispiċċaw barra u lura lejn pajjiżhom.
Segwejna dan il-każ fid-dettal, fejn kollox beda meta din l-impjegata daħlet lura għax-xogħol li welldet u xtaqet li taħdem b’ħinijiet li jakkomodawha biex tkun tista’ tieħu ħsieb lit-tarbija tagħha. Kienet lesta taħdem ukoll split shift. Ghalkemm fil-bidu s-sid tal-post tax-xogħol, wera li kien lest jikkopera u offrielha alternativi ta’ kif tista’ taħdem dan baqa’ ma sarx.
Minkejja dan ma kienx hemm eżitu pożittiv u kien hawn li bdiet issir pressjoni u fastidju fuq l-impjegata, li fi kliemha stess kien fastidju kontinwu. Meta qamet il-kwistjoni li riedet tiġbed il-ħalib minn sidirha, u dan anke minħabba kwistjoni ta’ saħħa, is-sitwazzjoni marret għall-agħar.
“Kellha sitwazzjoni li tagħmel 12-il siegħa x-xogħol, b’sidirha mimli ħalib. Dan kien qiegħed jaffettwaha mentalment u anke kienet tkun muġugħa”, qalilna Brian Bonniċi, is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel.
Il-pressjoni żdiedet anke minn sħabha l-ħaddiema. “Dan hu każ fejn ħaddiema barranin bdew jintużaw biex issir pressjoni fuq din il-ħaddiema kollega tagħha. Bdew jagħmlu dan biex jingħoġbu mas-sid tal-post tax-xogħol. Tpoġġiet il-camera tas-sigurtà fejn taħdem, għalkemm is-sid meta konfrontat b’dan qal li dik għamilha għax fil-post kien għadu kif għamel ‘safe’”, jiddikjara Bonniċi.
Għajtilha u heddidha
Il-battibekki bejniethom żdiedu u dan wassal biex darba minnhom għajtilha u beda jheddidha. Beda jgħidilha li jekk se tispiċċa bla impjieg kien se jkollha problemi kbar għax tiġi deportata. Beda jgħidilha li jispiċċaw jeħdulha it-tarbija u hi tispiċċa titlef il-kustodja u t-tarbija tispiċċa f’orfanatrofju.
Sid il-post tax-xogħol meta konfrontat b’dan, jiċħad li qal dan it-theddid. Jirrimarka imma u jikkonferma li dak li qalilha kien li jekk tispiċċa bla xogħol jista’ jkollha għadd ta’ problemi. Is-supervisor li hu barrani ukoll kien qiegħed jagħmilha pressjoni kbira tant li l-ħtija beda jitwaddab fuqu mis-sid stress li stqarr li ma kienx qed jitkellem físmu.
Is-sitwazzjoni kompliet teħżien tant li hi ġiet ippreżentata b’ittra u bdew jgħidulha biex tiffirmaha u kollox jieqaf hemm. Din kienet tfisser li jekk tiffirma, kienet se teħel multa ta’ madwar €5,500 marbuta mal-leave tal-maternità. Ġara li l-impjegata ma marritx xogħol u kien hawn li intbagħtet formola lill-Job Plus li kienet tgħid li l-impjegata tkeċċiet. Fi kliem dawk qrib tagħha, ‘minn fejn kienet se ġġib dawn il-€5,500 biex tħallas il-multa?”.
In-negozjati….diffiċli imma ħallew riżultat pożittiv
Kien proprju f’nofs il-ġimgħa li dan il-każ kien negozjati bejn is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, Brian Bonniċi, is-sid tal-post tax-xogħol u l-avukati tiegħu. Is-sid min-naħa tiegħu għamel il-pass u talab li jiltaqa’ mal-union wara li Bonnici ħareġ qatta bla ħabel u żvela l-każ permezz ta’ post fuq il-media soċjali fejn qatt ma kixef l-identità tas-sid u l-kumpanija u dan fl-aħjar interess tal-membru. Bonnici stqarr ma’ IT-TORĊA li għażel ukoll li ma jmurx jirrapporta l-każ mill-ewwel għand il-Pulizija għax emmen li jekk kien se jiltaqa’ u jirrisolvi direttament mas-sid jaf il-proċess kien se jkun immedjat u dan ikun ukoll pożittiv għal mara waqt li xorta kien lest li jmur jirrapporta l-każ jekk ma kienx se jirċievi tweġiba.
“Kienu negozjati mhux faċli”, jgħidilna Bonniċi. “Finalment kien hemm eżitu pożittiv. Il-każ ġie ssetiljat fl-aħjar interess tal-membru tagħna. Din hi rebħa kbira għal din il-ħaddiema. Rebħa kbira ukoll għalina. Dan hu każ li minnu rridu noħorġu l-punt kemm hu importanti li l-ħaddiema minn pajjiżi terzi ikun jafu bid-drittijiet tagħhom fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Kien każ serjissimu, għax li thedded bit-tarbija u b’ittra b’firma li mhix tagħha, hi xi ħaġa sejra. La kien hemm rieda tajba, inħoss li għal ġid ta’ kulħadd għandna nieqfu hemm. Hawn nappella lil kull ħaddiem biex jingħaqad f’union. Dan l-appell nagħmlu speċjalment lill-ħaddiema barranin għax minħabba li ma jkunux jafu d-drititjiet tagħhom faċli jiġu abbużati.
Il-ħaddiema barranin għandhom ukoll ikunu b’sebgħa għajnejn u attenti x’jiffirmaw u xi ftehimiet jidħlu għalihom għax drabi kelma jew nofs sentenza jafu jitfgħuhom f’baħar ta’ inkwiet. Jiddispjaċini ngħid imma qed ngħixu f’soċjetà fejn tlifna ħafna l-valuri tar-rispett u t-tolelranza u fejn qed naraw persuni li għalihom persuna barranija tfisser numru u okkażjoni faċli ta’ sfruttament u serq ta’ dinjità”.

