Sunday, November 24, 2024

Mhedded id-dritt ta’ strajk fir-Renju Unit … il-Gvern Ingliż b’azzjoni legali kontra l-infermieri wara li ħabbru strajk ta’ 48 siegħa

… mhux lest jagħti ż-żidiet mitluba minkejja li l-istess Gvern nefaq £5 biljun f’armamenti għall-Ukrajna

Aqra wkoll

Fir-Renju Unit żviluppat sitwazzjoni ta’ tensjoni kbira bejn l-infermiera u l-Gvern Ingliż, wara li r-Royal College of Nursing (RCN) ħabbar strajk ta’ 48 siegħa, liema strajk hu ppjanat għal jiem li ġejjin.

L-infermieri kienu vvutaw u ma aċċettawx l-offerta tal-Gvern Ingliż f’dik li hi żieda fil-paga. L-infermieri kienu qegħdin jitolbu żieda ta’ madwar 19 fil-mija biex tagħmel tajjeb għal inflazkjoni. Il-Gvern Ingliż kien lest jagħti biss żieda ta’ 5 fil-mija għas-sena 2023-2024. Ma’ dawn hemm somma ta’ £1,655 fuq is-salarju tas-sena li għaddiet. Ta’ min jgħid li waqt li għaddejja din il-kwistjoni kollha, il-gvern Ingliż nefaq £5 biljun fuq armamenti għall-Ukrajna.

Il-Gvern Ingliż iddikjara wara ftit ħin li hu kien se jieħu passi legali biex iwaqqaf dan l-istrajk, li hu ddeskrivieh bħala li hu kontra il-liġi. Din il-kwistjoni nqalgħet wara li membri tal-RCN irrifjutaw l-offerta tal-Gvern Ingliż dwar il-ħlasijiet liema offerta saret ftit jiem ilu. Il-Ministru responsabbli mis-Saħħa, Steve Barclay, kiteb lit-tmexxija ta’ RCN u infurmahom li l-azzjoni ta’ strajk li ħabbru kienet tmur lil hinn mill-mandat li ngħataw mill-membri. L-azzjoni tal-infermiera se ssir nhar it-2 ta’ Mejju.

Barclay iddikjara li “azzjoni ta’ strajk mingħajr qbil għal eżenzjonijiet fosthom għal kura ta’ emerġenza u kontra l-kanċer, ipoġġu il-pazjenti f’riskju. Din l-azzjoni legali li qed nieħdu qed issir biex tipproteġi lill-istess infermieri, li qed jissejħu biex jieħdu sehem f’attività illegali u li tista’ tpoġġi ir-reġistrazzjoni professjonali tagħhom f’riskju u tikser ir-rekwiżiti li hemm imniżżlu fin-“Nursing Code of Conduct’.”

Is-Segretarju Ġenerali ta’ RCN, Pat Cullen iddeskriviet id-deċiżjoni tal-Gvern Ingliż li jieħu passi legali bħala li hi ‘deċiżjoni li toħloq tħassib għad-demokrazija’. F’ittra li inkiteb lill-membri, Cullen qalet li” “It-theddida saret realtà. Għedna lill-Gvern li dak li qiegħed jagħmel hu ħażin u ma jistax jiddefendieh. L-uniku mod kif nistgħu nitrattaw ma’ min jagħmilha ta’ ‘bully’ hu billi niqfulu, inkluż fil-qorti. Jekk il-Gvern jirnexxielu jsikket membri bħalkom u jikkonvinċi lil Qorti biex inwaqqfu l-istrajk, aħna ma jkollna l-ebda għażla għajr li nwaqqfuh. L-azzjoni tagħna dejjem kienet sigura u legali. Mhux se ngħidulkom tagħmlu xi ħaġa li mhix sigura għalikom. Hu ħażin ħafna li l-Gvern juża flus mit-taxxi tal-poplu biex ikaxkar lill-unjin lejn il-Qorti. Determinati li nuru li l-professjoni tal-infermieri hi b’saħħitha u determinata u lesti niddefendu id-dritt ta’ l-istrajk”.

Hi kellha kliem iebes fil-konfront tal-Gvern u akkużatu li qed jitratta lill-infermieri bħala ‘kriminali’. Il-pjani tal-istrajk huma li l-infermieri joħorġu ‘lbarra fit-8.00 ta’ filgħaxija jew fil-bidu tax-xift ta’ bil-lejl fit-30 ta’ April. Dan għandu jdum sat-8 ta’ filgħaxija tat-2 ta’ Mejju.

Sport