Saturday, November 9, 2024

“M’hemm l-ebda ġlied għaddej fil-PN… il-ġlied bħalissa għaddej fil-PL” – Mark Anthony Sammut

Aqra wkoll

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut qal li m’hemm l-ebda ġlied għaddej fil-Partit Nazzjonalista, iżda l-ġlied li għaddej bħalissa huwa fil-Partit Laburista.

Huwa qal dan f’kummenti li għadda fl-aħħar tal-konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista li kienet ukoll indirizzata mid-Deputati Claudette Buttigieg u Ivan Bartolo fejn matulha ġie diskuss l-għoli tal-ħajja.

Sammut qal dan wara li ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dak li ġie rrappurtat fejn qalu li d-Deputata Nazzjonalista Therese Commodini Cachia ħarġet tattakka lid-Deputat Adrian Delia fuq il-kontro-eżami li Delia għamel fil-Qorti lill-editur ta’ Lovin Malta.

Dwar dan, Sammut qal li l-każ huwa magħluq iżda meta reġa’ ġie mistoqsi biex ifisser dan, huwa qal li bħalissa m’hemm l-ebda ġlied għaddej fil-Partit Nazzjonalista.

Fil-kummenti li ta huwa qal: “Infakkar li l-ġimgħa li għaddiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kien hawn vot sigriet ġewwa l-kumitat eżekuttiv li jinkludi wkoll il-grupp parlamentari, liema vot sigriet kien vot unanimu favur il-proposta tal-Kap tal-PN Bernard Grech biex Graziella Galea tkun co-opted ġewwa l-Parlament.”

“Il-ġlied bħalissa għaddej fil-Partit Laburista fejn għandek lil dawk li huma leali lejn Robert Abela u dawk li huma leali lejn Joseph Muscat, li jippretendu li Abela jwaqqaf lill-Maġistrat milli tagħmel xogħolha fl-investigazzjoni tagħha fuq Joseph Muscat. L-isfortuna hija li Abela beża’, u Abela stess issa ħareġ jattakka lill-istituzzjonijiet. Hija ħasra li l-Prim Ministru ta’ pajjiżna waqa’ għal dan il-livell”.

Sport