Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira ħafna. In-nannu kien jeħodni l-grawnd nara lil Valletta FC u ma kontx nitlef logħba waħda. Dak iż- żmien ħassejt li l-futbol mhux narah biss irrid, imma xtaqt nesperjanza l-emozzjoni li tkun qiegħed fil-grawnd mhux fl-istands. Għalhekk, saqsejt lill- ġenituri tiegħi biex nipprova nibda t-taħriġ u mill-ewwel darba li nżilt ħassejt li l- futbol ħa jkun wieħed mill-iktar affarijiet li nħobb u li lest li niddedika ħajti għalih.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta FC.
Nista’ ngħid li ħafna affarijiet fuq l-esperjenza tiegħi. Peró, kelma waħda li nista’ niddeskrivi kollox biha hi, il-kelma ‘kburi’. Kburi, b’li rnexxielna nagħmlu jien u sħabi biex erġajna tfajna l-Belt Valletta fejn verament jixirqilha. Fil-bidu tal-istaġun kont ngħid li hija xewqa tiegħi li nkun ta’ kontribut biex nerġgħu nkunu fil-Premier, u x-xewqa saret realtá! M’hemm xejn isbaħ milli tgħin lill-belt twelidek tkun fejn verament jixirqilha fix-xena tal-futbol Malti. Nista’ ngħid li din kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi tiegħi ma’ Valletta FC u ta’ ħajti!
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul l-aħħar staġun fejn ksibtu l-promozzjoni miċ-Challenge League għall-Malta Premier bħala Champions? Nemmen li s-sigriet ewlieni biex ksibna dak li ksibna u nsiru Champions, kien li kulħadd involut: plejers, kumitat, nies ta’ wara l-kwinti u l-partitarji dejjem kienu id f’id mill-ewwel sal-aħħar logħba. U ta’ dan nixtieq ngħid grazzi kbira lill-partitarji Beltin, li ġimgħa wara ġimgħa kienu dejjem hemm warajna kemm fit- tajjeb u anke l-ħażin.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Fl-opinjoni tiegħi naħseb li l-futbol Malti għamel qabża mhux ħażin. Din il-ħaġa tista’ tikkonfermha meta tara l-livell ta’ plejers barranin li qed jiġu jilagħbu hawn Malta. Plejers li jiġu minn kampjonati ħafna iktar b’saħħithom minn tagħna. Apparti minn hekk jekk tikkumpara fejn qed jaslu t-timijiet Maltin f’ kompetizzjonijiet Ewropej meta kkumparat ma’ x’kien jiġri fil-passat, tista’ tieħu idea ċara li l-livell tal-futbol Malti kiber ħafna.
Kif qed tħares lejn il futur tiegħek fil-futbol?
Onestament, l-unika ħaġa li għandi f’moħħi bħalissa hi li nirkupra u nirritorna għall-forma ta’ kif kont qabel l-operazzjoni. Minn hemm inkun nista’ inkompli nfassal il-futur tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Tħalli lil ħadd jgħidilek li mintix kapaċi jew li mhux ħa tasal. Jekk xi ħaġa temmen fiha, investi ħinek u agħti d-dedikazzjoni meħtieġa biex tasal fejn għandek tasal. Taqta’ qalbek qatt u ibqa’ emmen fik innifsek!