Wara li fl-Iżvezja ġie reġistrat l-ewwel każ ta’ Monkeypox fl-Ewropa, diversi pajjiżi qed jieħdu dan il-każ b’serjeta’ kbira mhux b’inqas f’Malta.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, iddikjarat il-marda tal-mpox, li qabel kienet tissejjaħ monkeypox, bħala emerġenza globali tas-saħħa.
Il-Kap tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, Tedros Ghebreyesus qal li l-potenzjal li bih l-mpox jista’ jinfirex lil hinn mill-Afrika hu ta’ nkwiet kbir.
Sadanittant, l-ewwel każ barra l-Ewropa reġistrat fl-Iżvezja kienet persuna li ġiet infettata wara li żar l-Afrika.
B’xorti tajba f’Malta għadu ma ġie rreġistrat l-ebda każ tal-Monkeypox, u fl-istess ħin m’hawn l-ebda lok għall-allarm f’dan ir-rigward.
Il-Monkeypox, hija marda li twassal fost l-oħrajn, għal xi tip ta’ raxx jew marki fuq il-ġilda, li jdumu bejn ġimagħtejn u erba’ ġimgħat, kif ukoll deni, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli, u fid-dahar, u nuqqas ta’ enerġija.
Din il-gazzetta tkellmet mal-ministru għas-saħħa u għall-Anzjanità Attiva l-Onorevoli Jo Etienne Abela li kkonferma ukoll li nhar it-Tnejn, se tkun qed issir laqgħa ta’ koordinament dwar dan kollu li qed iseħħ. Hu qalilna wkoll li fl-Isptar Mater Dei, fosthom fid-Dipartiment tal-Emerġenza, qed jittieħdu diversi prekawzjonijiet sabiex pajjiżna jkun lest għal dak li jista’ jinqala’.
L-Onorevoli Abela tana wkoll aktar dettalji dwar kif tista’ tittieħed din il-marda.
“Din il-marda tista’ tiġi trażmessa permezz ta’ kuntatt fiżiku ma’ persuni li jkollhom din il-marda, partikolarment waqt attività sesswali, kuntatt ma’ materjali ikkontaminat, jew ma’ annimali li jkollhom din il-marda.”
“Ironikament din il-marda ftit tolqot lill-anzjani minħabba li l-virus jixbah ħafna s-smallpox, marda li ġiet eliminata snin ilu u li għaliha l-istess anzjani huma mlaqqmin għaliha. Fil-fatt, il-vaċċin approvat għas-smallpox diġa’ qed jintuża għall-Monkeypox u għalhekk f’ċirkostanzi normali, huma jinsabu mingħajr periklu li jiġu effettwati.”
“Ir-riskju qiegħed iktar għal min hu pożittiv bl-HIV u li jista’ jitrażmetti din il-marda sesswalment jew inkella permezz ta’ mess u li tkun viċin persuna. Xi bews, persuna tisgħol fuqek u xi likwidu li jgħaddi minn persuna għall-oħra jistgħu jkunu wkoll kaġun li tinxtered il-monkeypox.”
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qal ukoll li sabiex jiġi evitat il-Monkeybox, wieħed għandu jevita kuntratt ma’ dawk li għandhom din il-marda. Fil-fatt, kuntrarju għall-COVID-19, dan il-virus ma jinxteridx mill-arja. B’rabta mal-pixxini li bħalissa huma tant popolari fix-xhur tas-sajf, jidher li l-ilma bil-klorin, joqtol dan it-tip ta’ virus.
Sadanittant, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC, wettqu risk assessment, fejn ħareġ li minkejja li fl-Ewropa jista’ jkun jidħlu xi każi, il-probabilità li din tinxtered fl-Ewropa, hija baxxa.
“L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ħareġt alert bħalma għamlu pajjiżi oħra, aħna inklużi sabiex noqogħdu attenti u naraw sew l-affarijiet fid-dettall. Dan kollu hu imporanti sabiex inżommu kontroll tas-sitwazzjoni. Peress li hu virus li jittieħed minn kuntatt fil-viċin tal-persuni, anke biss biss sesswalment, wieħed irid iżomm għajnejh miftuħa u fuq kollox nedukaw lin-nies dwaru. Huwa għalhekk li se jsiru numru ta’ laqgħat ma’ dawk kollha li huma parti importanti mis-settur tas-saħħa.”
Il-WHO qalet li t-tixrid ta’ din il-marda f’partijiet mill-Afrika hi emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali.
L-mpox tittieħed ħafna minn persuna għall-oħra u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qatlet 450 persuna.
Fil-fatt proprju minn din il-ġimgħa se tiġi varata kampanja ta’ informazzjoni sabiex dawk kollha involuti u anke l-pubbliku inġenerali jkun jaf aktar dwar dan il-virus u fuq kollox anke kif wieħed jista’ jevita ċerti ċirkostanzi li mhux dejjem jafu jkunu sbieħ.
Finalment il-Ministru Abela kkonferma li Malta hi preparata fejn għandu x’jaqsam mediċini minħabba li hawn stokkijiet għaliha kemm permezz ta’ vaċċini kif uikoll testijiet oħra li jistgħu jittieħdu. Għalhekk ikkonferma li m’hemmx lok ta’ allarm. Wieħed ovvjament għandu jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji, speċjalment li joqgħod lura minn ċertu kuntatt, il-bqija l-professjonisti li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa ewlenin f’pajjiżna se jżommu għajnejhom miftuħa u jagħmlu d-djanjożi neċessarji sabiex dawk kollha li jgħixu fil-gżejjer Maltin iserħu rashom.