Tuesday, December 24, 2024

“M’hemmx nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel tal-istat” 

Il-Ministru Clifton Grima

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima ddikjara li m’hemmx nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel tal-istat. Huwa stqarr dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet li sarulu mill-ġurnalisti b’rabta mat-tħassib, anke mill-Unjin Maltija tal-Għalliema, dwar jekk hemmx biżżejjed edukaturi biex jagħtu l-edukazzjoni meħtieġa lill-istudenti. 

“Infurmat li bħala kumpliment ta’ għalliema ġewwa l-iskejjel tal-istat m’hemmx problemi fis-sens li l-istudenti kollha li se jkunu qed jattendu se jkollhom proprju l-faċilità li jkollhom l-għalliema u li jlaħħqu ma’ dak li hu s-sillabu u l-kurrikulu tagħhom,” qal il-Ministru Grima. 

Huwa qal ukoll li l-Gvern se jkompli jieħu l-miżuri biex jattira aktar edukaturi billi joffri l-kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, iżjed faċilitajiet tax-xogħol u anke appoġġ. 

“Illum il-ġurnata għandna ekonomija b’saħħitha, li minkejja problemi li hawn fl-Ewropa kollha se tkun qiegħda tikber xorta waħda. Dan ipoġġina f’pożizzjoni tajba biex inkomplu naħdmu fuq it-tajjeb li diġà jeżisti u ntejbu fejn hemm bżonn,” qal il-Ministru Grima. 

Sadanittant, huwa kkonferma wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew diskussjonijiet dwar il-ftehim settorjali għall-edukaturi. “Nemmen li jkun riduttiv jekk wieħed jorbot il-professjoni tal-edukaturi biss mal-pakkett finanzjarju. Huwa importanti ħafna però nemmnu fir-rispett lejn l-edukatur u se nkunu qed naħdmu biex fuq bażi nazzjonali dejjem inkabbru l-għarfien tax-xogħol imprezzabbli li jagħmlu l-edukaturi bħala stakeholders ewlenin fis-settur edukattiv.” 

Ekonomija

Sport