Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont żgħir, nilgħab ma Bormla u ssegwi l-futbol fuq it-televixin b’passjoni kbira. Waqaft nilgħab f’età żgħira, iżda wrejtu interess biex nibda nikkowċja t-tfal. L-ewwel esperjenza tiegħi fil-kowċing kienet ma’ Mario Darmanin, li tawk l-opportunità li nibda ma’ Zabbar St Patrick. Minn dakinhar għaddew 27 sena, li matulhom għamilt diversi korsijiet tal-kowċing u ksibt il-liċenzja UEFA A Elite. Ħdimt f’livelli differenti, mill-grassroots sas-seniors, u għal dawn l-aħħar 15-il sena kont Head Coach tan-Nurseries.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Head Coach fin-Nursery ta’ Fgura United FC.
Ilni naħdem ma’ Fgura United FC għal dawn l-aħħar tmin staġuni. Nista’ ngħid li jien sodisfatt bir-riżultati li lħaqna s’issa. Parti mill-miri tagħna lħaqnihom, filwaqt li għad fadal xi xogħol x’isir. Jien nieħu ħsieb il-parti teknika, iżda naħdem id f’id mal-President u l-kumitat biex noffru approċċ ħolistiku. Huwa fatt magħruf li n-nursery ta’ Fgura United FC laħqet livell għoli ħafna f’Malta, u magħrufa għall-bilanċ bejn l-aspetti tekniċi u soċjali. Bħalissa għandna aktar minn 320 tifel u tifla, madwar 40 kowċ u helper fin-nursery, kollha impenjati biex nipproduċu kemm jista’ jkun plejers għat-tim tal-kbar u għall-futbol Malti. Noperaw fi tliet grawnds differenti biex niżguraw spazji adegwati u numru sostenibbli ta’ sessjonijiet għall-gruppi kollha, mill-U4 sal-U21.
Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Fgura juża bosta plejers prodotti min-nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?
Iva, dan hu l-għan tiegħi u tal-klabb: li nipproduċu plejers li jistgħu jintużaw mit-tim tal-kbar. M’hemmx sigrieti. Aħna noffru sessjonijiet ta’ kwalità li jtejbu l-ħiliet tal-plejers, u b’hekk ikun aktar faċli għall-kowċ tal-kbar biex jinkludi plejers min-nursery tagħna. Dawn l-aħħar snin, introduċejna diversi plejers fit-tim tal-kbar, b’uħud minnhom jilgħabu regolarment u oħrajn jiġu inklużi fl-iskwadra kemm għal-logħob tal-kampjonat kif ukoll għat-taħriġ. Għandna wkoll plejers oħra li, għalkemm ma laħqux il-livell tal-Challenge League, qed jilgħabu regolarment fl-Amateur League.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Il-livell tal-grassroots f’Malta mexa ’l quddiem. Issa hemm aktar opportunitajiet u aktar kowċis li jistgħu jgħinu lit-tfal. Madankollu, għad fadal ħafna x’nistgħu nagħmlu, u nistgħu nkunu aktar appoġġjati mill-awtoritajiet. Hemm bżonn pjan li jkun adattat għall-kultura u l-livell tagħna. Matul is-snin, ippruvajna ħafna affarijiet u tgħallimna ħafna. Nemmen li hawn nies lokali kapaċi joħolqu pjan aħjar minn dak attwali. Għandna nemmnu aktar fin-nies li ilhom jaħdmu għal snin twal fis-settur u mhux sempliċement nikkupjaw sistemi barranin li forsi ma jkunux adattati għal pajjiżna.
U xi tgħidli dwar il-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-futbol Malti mexa ’l quddiem, iżda pajjiżi oħra mxew ukoll. Sakemm ma nsawrux il-pedamenti tal-futbol, ma nilħqux il-livelli mixtieqa. Kif għedtlek, hemm bżonn pjan aħjar. Jien nemmen fil-prodott Malti u nemmen li t-tfal Maltin mhumiex inqas mit-tfal barranin. Jekk nitlef, nippreferi nagħti esperjenza lil plejers lokali, għax inkella ma nkunux nistgħu nkabbru l-plejers Maltin. Ma naqbilx li nkomplu nġibu plejers barranin li għandhom xi konnessjoni remota ma’ Malta u jilgħabu mat-tim nazzjonali, sakemm ma jagħmlux differenza fil-grawnd. Din il-ħolma kerha li t-timijiet nazzjonali tagħna ma jirbħux logħba trid tispiċċa.
Xi tgħidli dwar ir-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fgura United FC għandna faċilitajiet tajbin ħafna għat-taħriġ. Madankollu, meta niġu biex nilgħabu l-logħob kompetittiv, ikollna naddattaw għall-grawnds disponibbli. L-għażliet tagħna huma limitati, għax pajjiżna huwa żgħir u ma jistax ikollu l-istess ammont ta’ spazji bħal pajjiżi akbar.