Sunday, December 22, 2024

“M’hemmx sitwazzjoni aħjar għaliha f’emerġenza ta’ dan it-tip”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għalliem b’reazzjoni għat-tilwima industrijali tal-MUT mal-Ministeru tal-Edukazzjoni

Illum l-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat irritornaw ix-xogħol għall-preparamenti finali għas-sena skolastika 2021-2022 li se tibda nhar l-Erbgħa. Fosthom hemm għalliema peripatetiċi li għal din is-sena se jingħataw klassi tal-Primarja minħabba neċessità tal-protokolli tal-Covid-19. Minħabba nuqqas ta’ qbil, il-Malta Union of Teachers (MUT) iddikjarat tilwima industrijali mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u dan ftit ġranet qabel eluf ta’ studenti mistennija jibdew is-sena l-ġdida tagħhom. 

Din se tkun it-tieni sena li l-istituzzjonijiet edukattivi se jiftħu bi protokolli mill-awtoritajiet tas-saħħa b’miżuri speċjali minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Fosthom hemm dik tad-distanza soċjali bejn l-istudenti fil-klassi. Minħabba li hemm każijiet fejn in-numru tat-tfal fil-klassijiet ikun hemm bżonn li jonqos, inħoloq bżonn ta’ aktar għalliema.

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni fi tmiem il-ġimgħa sostna li l-iskejjel tal-Istat huma ppreparati biex jiftħu għal din is-sena skolastika l-ġdida mentri l-MUT min-naħa tagħha għandha informazzjoni li għad hemm nuqqas kbir ta’ għalliema fl-iskejjel Primarji. 

Din l-unjin tal-edukaturi fi stqarrija qalet li minn informazzjoni li għandha heemm 150 klassi mingħajr għalliema. Filwaqt li kkonfermat li ddikjarat tilwima industrijali, l-MUT qalet li qiegħda ssegwi dawn l-eżerċizzji tad-deployment tal-għalliema u li qiegħda tipprotesta mal-Ministeru fir-rigward. 

Bżonn ta’ ħafna aktar għalliema li jieħdu klassi

Edukatur li tkellem ma’ Talk.mt qal li, “l-għalliema ma jikbrux fuq is-siġar u minn x’imkien iridu jiġu. Allura jibqa’ l-għalliema peripatetiċi, li huma kkwalifikati biex jgħallmu fi klassi”. Is-sors, fid-dawl tat-tilwima ddikjarata mill-MUT, qal li jekk din l-għażla ma togħobx lil din il-unjin, “iridu jgħidu min se jimla’ t-toqob għax jekk il-peripatetiċi mhux se jimluh, dan aktarx jimtela’ min-nies mhux ikkwalifikati. M’hemmx sitwazzjoni aħjar għaliha f’emerġenza ta’ dan it-tip. Ninsabu f’pandemija globali u mhux ċajta”.

Barra minnhekk, l-istess għalliem spjega li l-kuntratt li l-edukaturi jiffirmaw mal-Ministeru tal-Edukazzjoni jistipula li jaħdmu skont l-esiġenzi tas-servizz. “Għaldaqstant, il-ksur fil-kuntratt huwa mill-MUT u mhux mill-Gvern,” saħaq dan l-għalliem.

Għalliem ieħor, din id-darba ta’ suġġett peripatetiku u għaldaqstant tmissu l-kwistjoni b’mod dirett, qalilna li, “bażikament rieduna nieħdu klassi, imma ma nafux kemm hemm klassijiet x’jittieħdu”. 

Huwa qal li l-Ħamis li għadda kellhom laqgħa fejn uffiċjal għoli mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, mingħajr ma qal in-numru eżatt, infurmahom li din is-sena se jkun hemm bżonn ta’ ħafna aktar għalliema li jieħdu klassi. 

Jingħad li f’dan l-istadju l-għalliema milquta m’għandhomx informazzjoni ta’ liema klassi se jieħdu u nnota li, “dawn l-għalliema seta’ kellhom sajf sħiħ jippreparaw il-lezzjonijiet għall-klassi imma issa s-sajf għadda b’konsegwenza li l-preparamenti se jsiru mil-lum għal għada a skapitu tat-tfal”.

Ekonomija

Sport