F’intervista li saritlu fuq ONE, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li Malta qiegħda toffri li tkun interlokutur tal-paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja. “M’hemmx soluzzjoni oħra ħlief li npoġġu madwar il-mejda u tiġi stabbilita l-paċi,” iddikjara l-Prim Ministru.
Huwa beda biex stqarr li Malta dejjem irrikonoxxiet li din kienet aggressjoni inġusta fuq l-Ukrajna min-naħa Russa. Daqstant ieħor kien importanti l-messaġġ ta’ pajjiżna, dak illi s-soluzzjoni ewlenija tibqa’ l-paċi.
Huwa iżda stqarr li f’dak li għandu x’jaqsam mat-tema tal-paċi, qegħdin naraw, mil-lat Ewropew, li m’hemmx moviment b’saħħtu biex verament isiru tentattivi b’saħħithom biex tiġi ripristinata l-paċi.
Dr Abela żied jinnota l-messaġġ li għamlet il-Prim Ministru Taljan, illi jsir summit bejn l-Istati Uniti, l-Ewropej u l-alleati tagħhom, biex ikunu diskussi l-isfidi li għandna quddiemna b’mod ewlieni s-sitwazzjoni fl-Ukrajna.
Qal li dan kien messaġġ li jaqbel miegħu totalment. Tant hu hekk li wara diskussjoni li kellu mad-Deputat Prim Ministru qablu li għandha ssir din l-offerta biex pajjiżna jkun hu li jospita dan is-summit. “Jekk jintlaqax jew le l-offerta wieħed għad irid jara. Hi offerta li toħroġ mit-twemmin u dak li tassew nemmnu fih.”
Il-Prim Ministru enfasizza wkoll li biex tiġi stabbilita l-paċi hemm ċertu kompromessi li jridu jsiru. Huwa tenna jgħid li “għal min jaħseb b’mod loġiku, li llum ngħidu din il-gwerra tintemm biss u li l-Ewropa trid tagħmel dak kollu meħtieġ inkluż tippompja miljuni ta’ ewro f’armamenti biex l-Ukrajna tirbaħ din il-gwerra, ma nemminx li dik hi xi ħaġa li tista’ sseħħ. Ma nemminx lanqas li l-Ewropa tista’ tkompli tiffinanzja din il-gwerra waħedha mingħajr l-intervent u l-assistenza tal-Istati Uniti.”
Huwa rrefera wkoll għall-episodju riċenti bejn il-President Amerikan u l-President Ukren, li qal li jġiegħlek taħseb dwar x’se jkun qiegħed jiġri fix-xhur li ġejjin.
Enfasizza: “Li pajjiżna, kif kien hemm min stedinna fl-aħħar sigħat biex nesprimu xi pożizzjoni, nikkundannaw jew in-naħa Amerikana jew in-naħa Ukrena u neloġjaw lil oħra, tkun żball. Jekk bħala pajjiż qed noffru li nkunu interlokutur tal-paċi, biex fih isir dan is-summit, jekk niżbilinċjaw ruħna favur naħa u kontra oħra ma nkunux kredibbli f’dik l-offerta.”
“Li għamilna nemmen b’mod korrett f’dawn l-aħħar xhur li rrikonoxxejna r-realtà ta’ dik is-sitwazzjoni ta’ dik l-aggressjoni inġusta, tajna l-għajnuniet li kellna nagħtu f’armamenti mhux letali għax il-kostituzzjoni tipprojbina u hekk se tibqa’.
“Ma nippermettix li jkun hemm tbagħbis mal-prinċipji tan-newtralità u n-non allinjament fil-kostituzzjoni tagħna għax nemmen li n-newtralità ta’ pajjiżna hi l-akbar vantaġġ li għandna f’dan il-mument fl-istorja,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
“Fiż-żgur f’dan il-mument huwa li l-linja ta’ ħsieb li rridu nibqgħu ninvestu fl-ekonomija tal-armi hi żball. Linji ta’ ħsieb żbaljati ħafna u issa wasal il-mument li nikkoreġuhom. Kien hemm progress fl-aħħar tliet snin? Le. Tjiebet f’ġurnata waħda s-sitwazzjoni li tista’ twassal għal riżoluzzjoni ta’ dawn il-gwerer? Le.
“Mela l-approċċ kien żbaljat. Biex fi tliet snin ma tagħmilx uqija progress, jekk xejn morra għall-agħar, id-deċiżjonijiet strateġiċi li ttieħdu sal-lum ma kinux tajbin.
“Tista’ taqbel jew ma taqbilx ma’ dak li qed tgħid l-amministrazzjoni Amerikana tal-lum. Però li kien hemm ċaqliq tas-sitwazzjoni u fl-aħħar kien hemm tisbit tas-saqajn u xi ħadd li qed jgħid li l-affarijiet kif inhuma ma jistgħux jibqgħu serjin aktar trid tirrikonoxxiha,” tenna Dr Abela.
Il-Prim Ministru qal ukoll li rridu naraw kif wieħed jissalvagwardja r-realtajiet Ukreni, għaliex għandhom it-territorju u jeddijiet ta’ nieshom imma fl-istess waqt ukoll irridu nifhmu li hemm poplu Ewropej li qed ibatu minħabba l-konsegwenza ta’ dan kollu. “Ma rridux ninsew xi kriżi tal-inflazzjoni għaddejna minnha minħabba l-gwerer.”
“Il-massa tal-poplu Ewropew xi trid? Li ma jarax aktar mwiet fl-Ukrajna, fir-russja u li jgħix fil-paċi,” tenna l-Prim Ministru.
Huwa nsista li għal min qed jipprova jqabbad xi narrativa li wasal xi mument biex nirrevedu n-newtralità ta’ pajjiżna, “naħseb tkun ġennata li kieku kellna nagħmlu hekk.”
“Lil dawk kollha li daħallhom xi fellus f’magħhom li dan il-Gvern se jipprova jmiss dan il-priċnipju ngħidilhom b’ċertezza li lanqas diskussjoni m’għandu jkun jhemm u l-istess f’dak li jirringwardja n-non-allinjament,” saħaq il-Prim Ministru.
“Il-Korp tal-Pulizija wera kemm hu affidabbli, serju u professjonali”
Intant, il-Prim Ministru faħħar lill-Korp tal-Pulizija għall-ħidma tagħhom meta rnexxielhom isolvu każ diffiċli, bħal dak tas-serqa ta’ droga mill-barracks tal-Armata f’Ħal Safi, f’inqas minn 48 siegħa.
Huwa qal li għal darba oħra l-Korp wera kemm huwa affidabbli, serju u professjonali, illi mhux biss jinvestiga imma dawk l-investigazzjonijiet waslu biex ġew imressqa numru ta’ persuni fil-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ. Dan filwaqt li tressqu persuni oħra li kienu involuti f’reati kontra l-ġurnalisti li kienu qed jirrapportaw dak li kien għaddej barra l-Qorti.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll li ħatar inkjesta amministrattiva mmexxijja mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia, fejn fil-jiem li għaddew ġew ippubblikati t-termini ta’ referenza ta’ din l-inkjesta li mistennija titlesta f’nofs Marzu.
“Urejna kemm il-forzi tal-ordni lesti jqumu għall-okkażjoni. Jiena kont ilqajt l-istedina li għamilli l-Kap tal-Oppożizzjoni biex immur fil-Parlament nagħmel strqarrija u nwieġeb għad-domandi. Xħin mort biex nagħmel dan, qajmu pandemonju u ma ħallewnix nagħmel dak li talbuni huma stess biex nagħmel,” kompla jgħid il-Prim Ministru. “Ma stajtx nagħmel l-istqarrija ministerjali. Kien hemm interruzzjonijiet. Xeni ta’ għajb li ma jixirqux lill-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Dr Abela qal ukoll li agħar minn hekk huma l-insulti li sar minn Deputat tal-Oppożizzjoni fil-konfront tal-Ispeker. Qal li l-insult li sar kien wieħed ċar u li nstema’ mill-poplu illi “jixxukkjak.”
Huwa tkellem ukoll dwar is-sens ta’ rġulija li wera l-Ministru Byron Camilleri meta offra r-riżenja tiegħu wara li feġġ il-każ, liema riżenja l-Prim Ministru qal li m’aċċettahiex għax fehem li huwa ma kien qed iġorr l-ebda responsabbiltà għall-akkadut u jaf il-mod serju li bih ħadem l-istess Ministru fl-aħħar ħames snin partikolarment fil-qasam tal-immigrazzjoni u r-riformi li saru fil-Korp tal-Pulizija. Dik il-fiduċja ġiet imtennija fl-istqarrija tal-Kabinett u sussegwentement mill-Grupp Parlamentari Laburista.
Dr Abela qal li fl-Unjoni Ewropea hemm straġi ekonomika bi tkabbir ta’ 1%, mentri f’Malta l-ekonomija kibret b’6% is-sena li għaddiet. Attribwixxa dawn ir-riżultati ekonomiċi għal pajjiżna lill-bżulija u l-fiduċja tan-nies li qed jirrednu f’ġid ekonomiku li qed jissarraf f’titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Spjega kif minkejja li l-Gvern jinsab f’nofs leġislatura, il-Budget għal din is-sena kien aqwa minn dak ta’ qabel l-elezzjoni li għaddiet, fosthom bl-ikbar tax cut fl-istorja, żieda rekord fiċ-children’s allowance, l-10 żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, kif ukoll sussidji tal-kontijiet tad-dawl, il-fjuwils u l-gass, u bosta benefiċċji soċjali fosthom ukoll biex tiġi ndirizzata l-inflazzjoni.
Dwar il-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent, Dr Abela qal li l-iżvilupp ekonomiku ma jfissirx li għandna nissagrifikaw l-ambjent. Elenka l-proġetti ambjentali mifruxa fuq 150,000 metru kwadru minn Project Green, l-inċentivi biex in-nies jinvestu f’enerġija rinnovabbli fi djarhom, kif ukoll ir-riformi li qed isiru fl-industrija tal-kostruzzjoni, flimkien mal-iskemi tal-UCA.
Il-Prim Ministru tkellem dwar id-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar l-iskema tal-BCRS u qal li hija inizjattiva tajba biex jinġabar il-plastik, madanakollu sostna li l-operatur ma jistax jibqa’ indifferenti fis-servizz mogħti, inkella l-Gvern se jintervjeni biex joffri soluzzjonijiet.
Dwar ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali, il-Prim Ministru qal li wara l-aħħar deċiżjonijiet tal-Qorti li tiċħad il-ftuħ tal-inkjesti mitluba mill-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, iktar qed tinħass il-ħtieġa tat-tibdil propost mill-Gvern. Spjega kif meta jkollok inkjesti abbużivi u l-Qorti ssib li dawn saru malizzjożament, għandu jidħol deterrent b’mod partikolari f’każijiet fejn issir ħsara lil individwi u negozji.
Dr Abela qal li l-Gvern irid ukoll jagħti iktar drittijiet lill-vittmi ta’ inċidenti u qraba tagħhom, għax s’issa waqt inkjesta jibqgħu fl-għama, mentri bir-riforma se jkollhom id-dritt li kull 6 xhur ikunu jafu x’inhu jiġri, l-inkjesta tingħalaq f’sentejn, filwaqt li meta tintemm l-inkjesta se jingħataw kopja b’xejn tal-proċess verbal.