Thursday, November 14, 2024

“M’hemmx sport wie­ħed li ma jgħoddx għan-nisa” – Michela Zammit

Aqra wkoll

minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet ta’ etá vera żgħira. Kont dejjem imdawra f’ambjent ta’ waterpolo peress li missieri, Gordon, kien jilgħab. 

Meta kelli 10 snin bdejt nittrenja u nilgħab mas-subien minħabba li ma kienx hemm nisa jilagħbu dak iż-żmien u bqajt nilgħab ma’ u kontra subien sa U17.

Id-determinazzjoni kie­net min dejjem enormi u ma’ kull logħba li għaddiet, iktar bdejt inħobb il-logħba tal-waterpolo.

Kif qed tħares lejn l-esper­jenza ġdida ma’ San Ġiljan?

Qed inħossni eċċitata ħafna biex nibda din l-esperjenza ġdida ma’ team ġdid wara kwazi 10 snin mal-Exiles. Għandi fiduċja kbira li l-istaġun li ġej u s-snin ta wara, se jkunu fost l-aħjar tal-karriera tie­għi hawn Malta. 

X’kien dak li xprunak biex tingħaqad mas-Saints?

San Ġiljan urewni li jixtiequ li jinvestu ħafna fit-team tan-nisa attwali kif ukoll jagħtu prijoritá sabiex iħajru tfajliet żgħar biex jibdew jilagħbu dan l-isport. Għalija dan kien fattur li għamel id-differenza kollha għax jien nixtieq li l-waterpolo femminili jieħu r-rikonixximent u l- investimenti li ħaqqu. 

San Ġiljan immedjatament wittew il-pjan billi ingaġġaw lil missieri, Gordon, bħala head coach tat-team tan-nisa biex jinbeda mmedjatament dan il-pro­ċess. 

Taħseb li għandkom team b’saħħtu biżżejjed biex tirbħu l-kampjonat?

Iva, naħseb li għandna team kompetittiv biżżejjed li jista’ jirbaħ jew jagħti logħba tajba lil kull aspi­rant għar-rebħ tat-titlu. It-team għadu qiegħed jin­għaqad bi players ġodda waqt li hemm ukoll tibdil ta’ mentalitá f’kull angolu tal-iskwadra. Nista’ ngħid li f’temp tal-ftit żmien li kellna, diġá qed inħossuna magħqudin u drajna lil xulxin u lesti biex nilagħbu.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Exiles?

Ma’ Exiles kelli esperjenza tajba ħafna u huma tawni ħafna gwida u opportunitajiet.

Jien se nibqa’ dejjem grata lejhom li emmnu fl-iskwadra femminili meta konna għadna biss tfal u baqgħu jgħinuna kemm individwalment kif ukoll kollettivament. 

Kburija li l-perjodu li għamilt nil­għab ma’ Exiles issarrfu fi tliet rebħiet ta’ kampjonati u erba’ knockouts, u fejn ma rbaħniex, ġejna dejjem fit-tieni post.  

X’emozzjoni taħseb li se tkun qed tħoss meta tilgħab kontra l-ex players sħabek fil-konfront bejn San Ġiljan u Exiles?

Hija emozzjoni diffiċli biex tispjegaha, peró naf ukoll li kull atleta ta’ kull sport iħoss l-istess ħaġa meta jibdlu t-team wara ħafna snin jilagħbu mal-is­tess skwadra. Fl-aħħar mill-aħħar, wieħed ibiegħed l-emozzjonijiet, ibaxxi rasu u jaqdi dmiru waqt il-logħba.

Kellek ukoll esperjenzi importanti barra minn Malta. X’tikkummenta?

Personalment, li jien mort nilgħab barra minn xtutna kienet l-aħjar deċiżjoni li għamilt għall-karrie­ra tiegħi. Ta’ 13-il sena diġá kont qed nilghab fl-Italja, u bqajt nilgħab l-Italja għal tliet snin sħaħ. 

Kont nitla’ fil-vaganzi sko­lastiċi biex nittrenja ma’ team tas-Serie A1 Taljana b’erba’ players internaz­zjonali fl-iskwadra, kif ukoll nitla’ għal-logħob tal-U15, U17 u U20 u Serie C. 

Ħafna nies qaluli li kont wisq żgħira biex nitla’ waħdi barra minn Malta u nilgħab hemmhekk ta’ dik l-etá, peró kieku ma mortx, ma kontx inkun nofs il-player li jien illum. Ta’ 16-il sena mort ngħix waħdi għal sena fl-Olanda, fejn ittrenjajt u lgħabt mat-team li kienu rebħu t-titlu ta’ champions tal-kampjonat tan-nisa tal-kbar.

Hawnhekk ukoll erġajt missejt ma’ players ta’ kalibru mondjali. Dawn l-esperjenzi barra minn Malta jgħallmuk tħares lejn l-isport b’lenti differenti u mhux b’lenti Maltija u nħoss li għamluni l-player li jien illum. 

Sfortunatament, f’Malta għad m’għandniex ir-riżorsi biex nibnu karriera b’saħ­ħitha fil-waterpolo tan-nisa mingħajr ma jkollna esperjenza barra minn Malta.

Tqis li fil-futur terġa’ tmur tilghab barra minn xtut­na?

Mija fil-mija. Bħalissa, qed ngħix u nilgħab f’Malta biss għaliex nixtieq niggradwa qabel ma nerġa’ nibda nfittex biex nilgħab barra minn Malta.  

X’tikkummenta fuq ir-r iżorsi (pixxina) li fihom tittrenjaw u tilagħbu f Malta?

Sfortunatament, f’Malta għandna pixxina waħda biss li tinqasam bejn iktar minn 10 clubs tal-waterpolo li jkollhom jaqsmu slots tagħhom bejn beginners, U13 boys, U15 boys, U17 boys, U20 boys, junior girls, senior men, u senior wo­men. 

Dan minbarra sport akwatiku ieħor bħall-għawm u għawm sinkronizzat. M’għandniex biżżejjed sessjonijiet u spazju għal kul­ħadd. 

X’tikkummenta fuq min jgħid li l-waterpolo ma jgħoddx għan-nisa iżda għall-irġiel biss?

Min jgħid hekk, żgur li ma jifhimx fl-isport in ġenerali. M’hemmx sport wie­ħed li ma jgħoddx għan-nisa. 

Dan huwa raġunament li ilni għaxar snin niġġieled kontrih u se nibqa’ nissielet sal-aħħar. Apparti minn hekk, il-maġġoranza kbira tal-isport tal-waterpolo hu­wa ta’ natura teknika u tattika u għalhekk, tifla jew mara tista’ titgħallmu u tipparteċipa fih bħal kull ħag’oħra.

X’sagrifiċċji jinvolvi li tkun player tal-waterpolo?

Bħal kull sport ieħor, sag­rifiċċji trid tagħmillhom bilfors biex tirnexxi. Taħriġ isir xemx u xita, sħana u kesħa u f’ħinijiet kmieni ħafna jew tard wisq. Ħruġ u ħajja socjali jkunu jridu jiġu ppjanati minħabba l-ħinijiet tat-taħriġ. 

Kif jirnexxielek tlahhaq mat-taħrig, l-istudju jew ix-xogħol u mal-waterpolo?

Irrid ikollok skeda ta’ ħin vera tajba u tqatta’ ħafna mill-ħin tipprijoritizza l-isport u l-ħajja sportiva.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Avolja, għaddew diġá 10 snin fil-karriera tiegħi, jien għadni se nagħlaq 20 sena.

Nemmen li l-karriera sportiva tiegħi għadha se tibda, jew aħjar minn hekk, il-kbir tagħha għadu ġej.

Jien se nibqa’ niftaħ l-orizzonti tiegħi biex nib­qa’ ntejjeb il-livell tiegħi bħala player. 

Jien nixtieq ukoll ngħaddi t-tagħlim tiegħi lill-ġe­nerazzjoni li ġejja. Fil-fatt, diġá bdejt nikkowċja d-development team ta’ San Ġiljan tan-nisa. Hemm ħafna elementi u players promettenti. 

Jekk tgħallimt xi ħaga  unika mil-esperjenzi tiegħi barra minn Malta, din kienet li napprezza kemm jagħtu valur lill-fatt li l-players bl-iktar esperjenza jinvolvu ruħhom biex jgħaddu t-tagħlim lil dawk żgħażagħ. 

Kull fejn mort, din hija ferm u ferm iktar importanti u vvalutata ħafna iktar milli aħna nikkonsidrawha f’pajjiżna. Dan biss jiżgura l-futur tal-isport tagħna u li l-livell jibqa’ tiela’. 

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-waterpolo?

Il-waterpolo huwa sport sabiħ immens, peró xejn ma jiġi b’xejn. 

L-umiltá u s-sagrifiċċji hu­ma neċessarji biex tifel jew tifla jsiru players li kapaċi jikkompetu f’livell internazzjonali.

Ekonomija

Sport