“Din mhix biss viżjoni ekonomika. Hija ħafna aktar minnhekk din hija viżjoni umana. It-titjib soċjali, apparti minn proġetti speċifiċi bħal li jkollna aktar spazji miftuħa huwa permezz tal-kejl li bih se nibdew inkejlu s-suċċess ta’ pajjiżna, Dawk it-tliet indiċi li semmejna qabel.”
Dan sostnieh il-Ministru tal-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri ma’ IT-TORĊA dwar il-Malta Vision 2050. Mistoqsi dwar il-miri ambizzjużi għall-2035 u l-2050 u kif se jkun żgurat li dawn ikunu appoġġjati minn pjan ta’ implimentazzjoni realistiku u sostenibbli, il-Ministru Schembri iddikjara li “dan id-dokument huwa wieħed ħaj, li jadatta skont il-ħtieġa, b’miri strateġiċi sal-2035, b’key performance indicators dettaljati li jridu jintlaħqu sa’ 9 snin oħra li huma f’aktar dettall”
“Għall-ewwel darba, il-key performance indicators (fejn wasalna) ta’ dawn il-miżuri ser ikunu ppubblikati u aċċessibbli għall-iskrutinju pubbliku. L-ebda Gvern qatt m’għamel hekk. Dan huwa pass importanti lejn aktar trasparenza u kontabilità”.
Meta mistoqsi dwar kif jara li l-Malta Vision 2050 tqiegħed lil Malta fuq pedament aktar sod biex tilqa’ l-isfidi globali u fl-istess ħin tkompli ssaħħaħ il-kompetittività tagħha, hu qal li “aħna gżira żgħira, bi spazju limitat, bi pressjonijiet fuq l-infrastruttura.B’popolazzjoni li qed tixjieħ”.
“F’dinja li qed tinbidel aktar malajr minn qatt qabel. U għalhekk Viżjoni Malta 2050 mhijiex biss dwar tkabbir, iżda kwalità. Illum għax għandna l-ekonomija tagħna fejn xtaqniha li tkun stajna nibdew naħsbu fit-tul, fil-viżjoni, lejn fejn irridu li morru. U l-futur mhux żieda fin-numri, iżda fil-kwalità. Ħloqna gżira li tattira investiment fid-diġitizzazzjoni, automation u riċerka, u b’enfasi fuq setturi ta’ kwalità għolja bħall-microchips, fintech u medtech, B’hekk qed nassiguraw li Malta tibqa’ hub diġitali innovattiv u kompetittiv.”
Staqsejnieh kif il-viżjoni tiffoka fuq tkabbir sostenibbli u setturi ta’ valur miżjud għoli. Kif dan se jkompli joħloq opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità aħjar għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin?
Tenna li “fl-2013, Gvern Laburista wiret pajjiż b’livelli ta’ qgħad għolja, ekonomija staġnata u rati baxxi ta’ investiment dirett barrani. Flimkien ħdimna sabiex Malta tingħata l-istatuts li kien jistħoqilha. U fl-ewwel leġiżlatura ta’ Gvern Laburista għamilna propju dan. Tajna injezzjoni ta’ tama fuq diversi livelli f’dan il-pajjiż. Pożittività li kienet tinħass mhux biss lokalment, iżda anke internazzjonalment u bdejna nattiraw aktar investiment”
“Kif qed nagħmlu dan eżempju f’dak li għandu x’jaqsam ma produttivita permezz tat-Teknoloġija: Minflok ma nżidu n-nies, qed niffukaw fuq il-produttività. Għalhekk nedejna skemi bħal dik ta’ €100 miljun għad-diġitizzazzjoni u 60% tax credit fuq investimenti f’automation. U bil-kunċett ta’ kwalita flok volum, kif diġa semmejt, l-attenzjoni tagħna hija fuq setturi bħall-Microchips, Fintech, Medtech, esports u video game development fost oħrajn, biex niżguraw li Malta tibqa’ hub diġitali ewlieni.”
Nistaqsuh kif b’din il-Viżjoni l-Gvern qiegħed jimxi lil hinn mill-kejl tradizzjonali tal-GDP u jħares lejn kwalità ta’ ħajja. Kif dan l-approċċ modern se jwassal għal benefiċċji konkreti għall-familji Maltin?
Għal din id-domanda il-Ministru Schembri jgħid li “s-suċċess mhux se jibqa’ jitkejjel biss bil-GDP, imma bil-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum – fuq dawn it-tliet punti ewlenin: Bil-Human Development Index, Bid-dħul medjan tal-familji, Bis-sodisfazzjon tal-ħajja. Fil-United Nations Human Development Report, illum Malta tinsab fil-25 post; l-ambizzjoni tagħna hija li nilħqu l-20 post sal-2035 u nidħlu fl-ewwel 10 sal-2050″.
“Il-median disposable income, id-dħul li jibqa’ f’idejn il-familji, rridu ntejbuh għal 115% sal-2035. Filwaqt li fejn jidħol l-overall experience of life fejn illum qegħdin fit-12-il post, għandna l-pjan li naslu fl-ewwel 10 sal-2035 u fl-ewwel 5 sal-2050. Dan l-approċċ se jissarraf f’benefiċċji għall-familji tagħna billi l-ġid se jinqasam b’mod aktar ġust, biex jitjiebu l-pagi u l-familji jkollhom biżżejjed flus fil-but biex jgħixu ħajja komda. Pjanat li jkun hemm iktar investiment f’servizzi tas-saħħa u f’edukazzjoni aktar b’saħħitha, filwaqt li jkun hemm bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja. Fl-istess waqt, jinħolqu spazji miftuħa biex jassigura li kull familja jkollha ambjent nadif fejn tirrilassa. Din hija viżjoni ta’ kulħadd li ma tħalli lil ħadd barra.”
Semmejnielu li l-Malta Vision 2050 tenfasizza edukazzjoni moderna u investiment fil-kapital uman. Staqsejnieh x’bidliet strutturali qegħdin jiġu ppjanati biex iż-żgħażagħ ikunu ppreparati għall-ekonomija tal-futur?
Jiddikjara li “qed inkomplu ninvestu fl-edukazzjoni bħala l-pedament tal-futur ta’ pajjiżna. Permezz tat-tisħiħ tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024–2030, qed nintroduċu qafas ġdid tal-curriculum b’enfasi fuq STEAM, ħiliet diġitali, l-kreattività sabiex nippreparaw lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol ta’ għada. Qed nimmodernizzaw is-sistema ta’ valutazzjoni biex tirrifletti aħjar il-ħiliet reali meħtieġa, filwaqt li ninvestu €91 miljun fil-modernizzazzjoni tal-iskejjel b’aktar spazji innovattivi u aġġornamenti diġitali. Fl-istess ħin, qed inwaqqfu sistema nazzjonali ta’ intelligence dwar il-ħiliet biex nidentifikaw il-ħtiġijiet futuri tas-suq u nallinjaw it-taħriġ u l-apprendistati mal-ekonomija li rridu nibnu Din hija viżjoni ċara: edukazzjoni moderna, inklussiva li hija marbuta mal-futur.”
Mistoqsi dwar kif qegħdin tinvolvu lill-imsieħba soċjali u lis-settur privat biex din il-viżjoni tinbidel f’riżultati konkreti u sostenibbli, il-Ministru Schembri jgħid li “viżjoni ta’ Nazzjon tfisser li nġibu lil kulħadd f’linja waħda. Filfatt bdejna dan minn laqgħa tal-MCESD, u wara kont stedint jien stess lis-Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista, għall-ewwel attività b’rabta mal-Vision 2050 sabiex nisma x’għandu xi jgħid. U dak juri verament kemm din hija viżjoni ta’ kulħadd. Saret konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha, qabel ma’ ġie ppreżentat id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika. U f’dak il-perjodu tal-konsultazzjoni komplejna bid-diskussjonijiet mas-soċjeta kollha, inkluż l-Oppożizzjoni. Għax din mhx sempliċiment dokument, din hija kuntratt li qed nagħmlu għall-ġenerazzjonijiet tiegħi. Mhix sempliċiment viżjoni ta’ partit, imma ta’ nazzjon.”


