Monday, November 11, 2024

“Mhu se nħallu lil ħadd jgħaddi lill-ġustizzja biż-żmien”

Il-Ministru tal-Ġustizzja dwar l-emendi fil-kodiċi kriminali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Konferma ta’ kemm il-gvern jagħraf l-irwol tiegħu dak illi filwaqt li jirrispetta u josserva bis-sħiħ l-indipendenza tal-istituzzjonijiet tiegħu huwa tempestiv f’azzjonijitu biex jara li l-istess istituzzjonijiet ikollhom l-għodda legali neċessarja biex ikunu jistgħu jaħdmu.

Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard filwaqt li wieġeb għall-allegazzjoni tal-Oppożizzjoni li qalet li l-emendi proposti fil-liġi tal-Kodiċi Kriminali kienu intervent f’mitt qamar. 

Attard huwa li dawn l-emendi huma intenzjonati jibagħtu messaġġ b’saħħtu li din l-amministrazzjoni mhi se tħalli lil ħadd jgħaddi lill-ġustizzja biż-żmien.

Il-Ministru Attard qal li imputat li ma jidhirx fl-istadju tal-kumpilazzjoni minħabba li huwa jagħmel ħsara fuq il-persuna tiegħu hija ġenerikament koperta mill-kodiċi kriminali biex jiġi sospiż it-terminu għall-għoti tal-ħelsien mill-arrest bi dritt. 

Huwa qal li l-problema ewlenija li jridu jitrattaw dawn l-emendi hija meta l-akkużat jisfrattalek ġuri billi jagħmel ħsara fuq saħħtu apposta u joqgħod jirrepeti l-azzjoni tiegħu kull darba li jiġi appuntat il-ġuri sakemm jakkwista d-dritt li joħroġ bil-libertà proviżorja biż-żmien.

Il-Ministru qal li għalhekk l-emendi huma ffukati fuq dan l-istadju u jimponu termini minimi ta’ sospenzjoni ta’ terminu għal libertà proviżorja bi dritt f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Attard qal li b’dawn l-emendi, qed ikun propost li jiżdied paragrafu ieħor li jipprovdi b’mod speċifiku għas-sospenzjoni tal-ħelsien mill-arrest f’każi ta’ self harm. Qed ikun propost li meta jkun hemm din il-ħsara s-sospenzjoni tkun ta’ mill-inqas xahrejn. B’hekk akkużat li jirnexxielu jipposponi ġuri u jirxoxta, is-sospenzjoni tagħti ż-żmien biex il-qorti tħarrek lix-xhieda, l-esperti u lil dawk kollha involuti fil-ġuri biex tirrinfaċċa l-esiġenzi organizzattivi li jirrikjedi l-ġuri.

“Se nibagħtu messaġġ ċar li kriminali perikolużi joħorġu bil-libertà proviżorja billi jostakolaw il-bidu tal-ġuri”, żied jgħid il-Ministru filwaqt li kompla biex jelabora dwar l-emendi suġġeriti.

Il-Ministru temm jgħid li dawn l-emendi huma komponenti ewlenin tal-istrateġija tal-gvern biex iżid l-effiċjenza u l-effettività filwaqt li jipproteġi s-sigurtà pubblika.

Sport