“Mhuwiex veru li kien hemm xi tip ta’ pavimentar differenti minn tarmak qabel ma’ twettqu x-xogħolijiet din il-ġimgħa. Kif jindika r-ritratt, ir-rampa kienet magħmula minn asfalt antik u f’xi żminijiet sar xogħol ta’ patching bil-konkos, apparti l-patching bl-asfalt li kien isir regolarment,” spjega s-Sindku tas-Siġġiewi, Dominic Grech, f’kitba li qasam fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.
Huwa kompla jgħid li: “Ix-xogħolijiet li saru mill-kuntrattur tal-Public Works kienu jkopru t-tqaxxir tar-rampa l-antika, u kisja ġdida asfalt minflok dik antika … għaldaqstant, mhuwiex il-każ li kien hemm xi tip ta’ materjal ieħor u minfloku sar l-asfalt. Ix-xogħol li sar kien reinstatement ta’ materjal ta’ asfalt li kien ilu hemm snin twal u li kien sar perikoluż sabiex wieħed jimxi minn fuqu”.
Dan wara li fl-aħħar sigħat fuq il-midja soċjali ċċirkolaw għadd ta’ kummenti dwar l-aħħar xogħlijiet li saru fuq ir-rampa tal-Bajja ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi, fejn kien hemm min maqdar it-tarmak li sar u saħansitra allegaw li kien hemm pavimentar differenti minn dak attwali.
Huwa kompla jispjega li sa tlett ijiem ilu, l-istat tal-imsemmija rampa kien dan li qed jidher fir-ritratt t’hawn taħt, fejn elebora dwar il-fatt li r-rampa kienet magħmula bl-asfalt snin ilu u li l-Kunsill Lokali kien ilu snin twal illi ta’ kull sena qabel ma jibda l-istaġun tas-sajf jagħmel xogħolijiet ta’ patching bil-materjal ta’ asfaltar f’rampa “li kienet totalment spiċċat”. Fisser ukoll li dan ix-xogħol ta’ patching ma kienx iservi għal tul ta’ żmien tant li saħaq illi kien jispiċċa wara ftit ġimgħat li jkun sar.
Is-Sur Grech iċċara wkoll is-sitwazzjoni tal-parti t’isfel tar-rampa, liema parti tmiss mal-baħar, fejn qal li minħabba li kienet għadha f’kundizzjoni tajba tħalliet kif kienet: “F’numru ta’ kummenti li osservajt fejn ittellgħu ritratti tal-parti t’isfel tar-rampa (il-parti li tmiss mal-baħar), dik ma ntmessitx u baqgħet kif kienet għall-fatt li tinsab f’kundizzjoni tajba”.