Thursday, February 20, 2025

Mhux aċċettabbli diskorsi dispreġġjattivi fil-Parlament

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa erġajna assistejna għal dibattitu mqanqal fil-Parlament li kien ikaratterizzat minn għajjat u isteriżmu, l-aktar minn membri tal-oppożizzjoni waqt id-diskussjoni dwar ir-riforma tal-inkjesti maġisterjali. Saħansitra deputat ewlieni tal-Oppożizzjoni allega b’mod gravi li din ir-riforma, il-Gvern qed jagħmilha mhux biss biex jaħtaf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, imma wkoll biex “joqtol lil min irid hu”. Allegazzjoni li rrepetiha aktar minn darba, għalkemm wara biddel xi ftit mill-verżjoni tiegħu.

Bħala poplu ċivilizzat aħna ma naslu biex naċċettaw qatt lingwaġġ ta’ din ix-xorta fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Dan għaliex diskorsi jew kliem bħal dan mhux dekoruż għal min jgħidu, aktar u aktar għal min qed jaspira li xi darba jkun Ministru fil-Gvern. Dan ngħiduh ukoll għaliex diskorsi ta’ din ix-xorta mhux jaqdu lill-poplu imma jkomplu jifirduh meta suppost f’pajjiżna qed nitħabtu għall-għaqda nazzjonali u biex innaqqsu mil-livell partiġġjan kemm jista’ jkun.

Għalhekk ma nistgħux nifhmu kif riforma li suppost se tqarreb aktar lejn il-ġustizzja vera, tiġi interpretata b’mod oppost għall-ispirtu tagħha. Huwa tajjeb li l-Oppożizzjoni tikkritika fejn jidhrilha imma l-kritika trid tkun kostruttiva u lil hinn minn atteġġjament jew diskors li flok iqarreb liż-żewġ naħat tal-Kamra lejn xulxin, ikomplu jbiegħduhom minn xulxin.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni, inkluż il-Kap, qalu illi din ir-riforma l-Gvern se jkun qed inaqqas id-drittijiet taċ-ċittadini. U hawn nistaqsu xi drittijiet huma li se jitnaqqsu, meta kulħadd se jibqagħlu l-jedd li jitlob għal inkjesta fuq xi ħaġa li teħtieġ provi ammissibbli. Ma jistax ikun f’pajjiżna tintalab inkjesta maġisterjali fuq sempliċiment għajdut li jkun intqal fit-triq jew f’xi ħanut.

Barra minn hekk, b’din ir-riforma, iċ-ċittadin se jingħata d-dritt f’każ ta’ inkjesta fuqu li jkun jaf fuq xiex qed jiġi akkużat u fiex tkun waslet l-investigazzjoni, drittijiet li qabel ma kellux. Bir-riforma għandna għax nifhmu li d-drittijiet taċ-ċittadini se jiżdiedu u mhux jonqsu.

Apparti d-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar ir-riforma tal-inkjesti maġisterjali, kif diġà għamilna drabi oħra, nerġgħu ntennu l-appell tagħna favur diskussjoni matura fil-Parlament mhux biss fuq din ir-riforma imma fuq kwalunkwe liġi, kontroversjali jew mhix, li titressaq fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Il-poplu ma jeleġixxix Deputati biex joqogħdu jintilfu f’konfronti u battibekki kontra xulxin imma jeleġġi nies biex itejbulu ħajtu u jkomplu jmexxu l-pajjiż ’il quddiem.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport