Tuesday, May 14, 2024

“Mhux aċċettabbli fl-2022 li jkollna studenti li jeħlu minn suġġetti bħall-Matematika u l-Ingliż”

Il-Ministru Clyde Caruana jsostni dwar l-edukazzjoni u l-investiment fit-teknoloġija fid-dinja tax-xogħol

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt diskussjoni fil-parlament dwar l-impjiegi u l-investiment biex tissaħħaħ l-ekonomija Maltija, li kienet tinkludi s-sehem ta’ diversi msieħba soċjali, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana sostna dwar l-importanza tal-edukazzjoni. Caruana saħaq li għalkemm huwa importanti li jkollna studenti li jevolvu l-ħiliet tagħhom f’xi sengħa partikolari jew li jagħżlu li jaħdmu fil-fabbriki, mhux aċċettabbli li 20 fil-mija tal-istudenti jeħlu minn suġġetti importanti wara 13-il sena ta’ tagħlim. Il-Ministru kompla biex jikkwota rapport dwar kif marru l-istudenti f’pajjiżna f’dawn l-aħħar eżamijiet fejn kellek wieħed minn kull ħamsa li ma rnexxilhomx jiksbu pass f’suġġetti bħalma huma l-matematika u l-Ingliż. Huwa kompla biex jgħid li fl-2022 din mhix xi ħaġa aċċettabbli u li ċertament mhumiex numri li jgħinu lis-soċjetà Maltija biex tkun tista’ tkompli tiżviluppa.

Caruana spjega wkoll dwar il-bżonn li s-soċjetajiet jevolvu u li jekk inħarsu fl-istorja, is-soċjetajiet li għannqu t-teknoloġija huma dawk li komplew jiżviluppaw filwaqt li oħrajn li m’għamlux dan spiċċaw biex waqgħu lura u saħansitra nħakmu minn ħaddieħor. Biex jagħti eżempju b’pajjiżna, il-Ministru qal li faċli nagħmlu evalwazzjoni tat-tessuti li kienu jiġu prodotti fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet u nqabbluhom ma’ dak li pajjiżna kapaċi joffri llum. Saħaq li ovjament il-materjal lanqas biss għandu jiġi kkumparat. 

Madanakollu huwa saħaq dwar l-iżvilupp ekonomiku u l-fatt li pajjiżna jrid iżomm il-pass li jiddetta l-andament ekonomiku li huwa wieħed mgħaġġel ħafna. Qal ukoll li  n-nuqqas ta’ ħaddiema għandu jindika illi biex ’il quddiem is-soċjeta tiżviluppa, it-tkabbir ekonomiku għandu jkun aktar iffukat fuq il-valur miżjud għoli kif ukoll fl-investiment fil-kapital.

“Irrid ngħid li jien kont l-ewwel wieħed li fil-passat dejjem kont ngħid li l-ekonomija għandha bżonn iżjed ħaddiema u kont niġi kritikat, iżda bħalma dak iż-żmien kont ngħid hekk illum qiegħed ngħid ukoll li apparti l-ħaddiema rridu serjament naħsbu kif f’dan il-pajjiż għandu jkun hawn investiment fil-kapital illi ċertu ħiliet li llum isiru min-nies, bilfors iridu jsiru bil-kapital”, saħaq il-Ministru filwaqt li kkumpara dan kollu fid-dawl ta’ soċjetajiet bħalma huma l-Koreani u l-Ġappuniżi.

Caruana temm jgħid li n-nuqqas ta’ ħaddiema huwa fattur li se nkomplu nesperjenzawh aktar kemm is-soċjetà tagħna se tkompli tikber fl-età u għalhekk il-bżonn li pajjiżna jkompli jinvesti b’għaqal fit-teknoloġija u l-ekonomija l-ħadra. 

Sport