Il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa innaċċetabli li każ quddiem il-Qrati, speċjalment ta’ natura sensittiva bħal vjolenza domesitka, jiġi appuntat sena jew disa’ xhur wara.
Hu kien qiegħed jitkellem mal-ġurnalisti lejla b’referenza għal każ li seħħ ilbieraħ fejn inqatlet omm ta’ żewġt itfal liema omm allegatament inqatlet minn żewġha.
F’kummenti lill-ġurnalisti l-Prim Ministru Abela qal li kien għalhekk li lbieraħ il-Gvern ħatar inkjesta ministerjali biex tevalwa jekk dan il-femiċidiju setax ġie evitat.
Qal li minkejja r-riformi li saru fl-aħħar snin xorta waħda jħoss li dan ma kienx biżżejjed. Il-Prim Ministru fisser il-ġurnata tal-bieraħ bħala waħda ta’ dieqa kbira.
Dr Abela qal li waqt li f’dan il-każ kien hemm miżura interim mill-Maġistrat Lara Lanfranco u d-dati tal-kawżi huma suġġett għall-Qrati, il-Gvern impenja ruħu li jagħti r-riżorsi kollha neċċessarji lill-ġudikatura u rrefera għal sejħa attwali biex jinħatru Maġistrati u Imħallfin ġodda. F’dan l-isfond qal li wara din is-sejħa, se jinħatru żewġ Maġistrati biex jisimgħu l-kawżi ta’ vjolenza domestika fid-dawl tal-fatt li żdiedu l-każi rrappurtati lill-Pulizija f’dan ir-rigward.
Hu rringrazzja lil Domestic Violence Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija fejn stqarr li kemm ilha li twaqqfet din il-Unit aktar nies resqu ‘l quddiem biex jirrapportaw il-każi ta’ vjolenza domestika.