Saturday, October 26, 2024

“Mhux aċċettabbli li l-Air Malta tibqa’ taħraq €40 miljun jew aktar fis-sena”

Il-Ministru Clyde Caruana jsostni li ma jarax triq ’il quddiem mingħajr linja nazzjonali tal-ajru

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-gazzetti ma jġibux l-istorja kollha. Jien nieħu pjaċir ningħata l-opportunità li nwieġeb. Jekk inti għandek id-dar tiegħek u jien niġi biex noħodhielek, inti tgħidli jien xtrajtha legalment u titlobni nħallsek biex nixtriha. F’dak li għandu x’jaqsam il-piloti u l-cabin crew, matul is-snin li għaddew daħħlu d-dritt fil-ftehim kollettiv li ta’ 54 jew 55 sena jistgħu jagħżlu li jirtiraw, il-kumpanija trid tagħti d-dritt u sa 65 trid tibqa’ tagħti żewġ terzi ta’ paga. Jien bħala Ministru m’iniex se naċċetta qatt li jkun hemm ftehim kollettiv bħal dan. Madanakollu dan il-ftehim ġie ffirmat qabel u jeħtieġ tinstab soluzzjoni.”

Hekk beda biex jispjega l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt il-kjarifika għal rapporti fil-ġurnali ppubblikati l-Ħadd rigward l-Air Malta. Il-Ministru qal li l-għażla hija bejn dik li qiegħed jagħżel hu bħala Ministru konċernat jew inkella spiża ferm ogħla jekk kemm-il darba dawn il-ħaddiema jistrajkjaw minħabba ftehim li ġie ffirmat fil-passat, liema ftehim li jagħtihom id-dritt li jisktrajkjaw, iwaqqfu titjiriet u jikkawżaw dannu ekonomiku ferm akbar lill-pajjiż b’mod speċjali ladarba jerbħu l-kawża legalment minħabba l-istess ftehim.

“Dak kollu li kien isir qabel irid jieqaf u l-uniku motiv li jrid jibqgħalha l-kumpanija huwa li meta titlaq minn Ħal Luqa u tinżel Heathrow jew Vjenna jew Munich tħalli profitt”, sostna Caruana.

Rigward kemm se jiġi jiswa dan il-pakkett, il-Ministru qal li din il-kumpanija se tkun qiegħda tnaqqas il-piloti għal terz tan-nies u tibqa’ ttajjar l-istess ajruplani. Il-Ministru qal li hu jistma li biex jikkoreġi dawn l-iżbalji li saru fil-passat, in-nefqa se tkun ta’ madwar €200 miljun.

Caruana qal li qiegħed jagħmel l-isforz kollu biex jirranġa din is-sitwazzjoni filwaqt li qiegħed jibqa’ jipprova jnaqqas id-deficit tal-pajjiż.

Rigward rapporti li l-gvern qiegħed isibha diffiċli biex joffri impjieg alternattiv minħabba salarji għoljin, il-Ministru qal li kien hemm dawn it-tip ta’ sitwazzjoniijiet. “Kien hemm sitwazzjonijiet fejn in-numri ma kinux jagħmlu sens. Xi ħadd irid jerfagħha, u jien m’għandi l-ebda problema nerfagħha għax personalment konvint li din hija l-aħjar u l-unika triq għal-linja tal-ajru tagħna”, tenna jgħid Caruana.

Mistoqsi dwar jekk b’dan kollu, il-gvern huwiex se jirnexxielu jsalva l-linja tal-ajru Nazzjonali, il-Ministru qal li kollox jiddependi mill-Kummissjoni Ewropea. Caruana qal li b’li qiegħed jagħmel qiegħed jipprova jibni fiduċja mal-Kummissjoni Ewropea li pajjiżna meta jagħti kelma jista’ jżommha. Qal li ċertament li l-kumpanija tal-ajru nazzjonali, tkunx l-istess waħda, jew f’forma differenti għandha bżonn miljuni kbar ta’ ewro f’kapitalizzazzjoni u dan jista’ jsir biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

Rigward il-fatt li dawn il-ħaddiema qegħdin jitħallsu mit-taxxi tan-nies, il-Ministru qal li din l-operazzjoni tant delikata qiegħda tħares lill-pazjent biex ma jibqax jiżvina għax ma jistax ikun li l-kumpanija tibqa’ taħraq €40 miljun fis-sena jew aktar.

Sport