Monday, November 4, 2024

“Mhux aċċettabbli li t-tfal ikunu l-vittmi waqt separazzjoni”

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

It-tisħiħ tal-familja huwa importanti ħafna hekk kif l-istess familji hija s-sinsla tas-soċjetà u kif irridu nifformaw l-istess soċjetà għal uliedna.

Hekk saħaq il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kien qiegħed jindirizza laqgħa ta’ diskussjoni fil-Mosta F.C. Youth Academy bit-tema “Uliedna l-potenzjal ta’ pajjiżna”.

Saħaq li huwa importanti ħafna li wieħed jipprevedi li jkun hemm problemi fil-familji, iżda xorta waħda għandek realtajiet li jistgħu jwasslu għat-tkissir tal-familja. Il-Prim Ministru qal li għalhekk bħalissa l-Gvern qiegħed jisma lil kulħadd biex ikun jista’ jwettaq ir-riforma fil-liġi tal-familja.

Il-Prim Ministru Abela qal li f’kull riforma l-ewwel interess għandu jkun dak ta’ tfal minuri. “Qatt ma nistgħu naċċettaw li t-tfal jispiċċaw il-vittmi waqt separazzjoni. Kawżi tal-familja ma jistgħux jibqgħu għaddejjin għal snin twal kif qiegħed jiġi f’xi każi bħalissa. Dik hija xi ħaġa li aħna ma rridux aktar,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Il-kelliem saħaq li qabel ma bdiet il-konsultazzjoni pubblika l-Gvern tkellem ma’ min hu mġarrab f’sitwazzjonijiet ta’ separazzjoni u anke mal-avukati li jaħdmu fil-Qorti tal-Familja fejn dawn il-ħsibijiet kollha għandhom jispiċċaw fil-qafas tal-liġijiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport