Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-futbol?
Minn dejjem kont inħobb il-futbol minn mindu kont żgħir, beda meta kont nara l-futbol fuq it-televixin u speċjalment il-highlights ta’ Ronaldinho fuq YouTube.
Kif ġejt tilgħab f’Malta minn Sri Lanka?
Ġejt ngħix Malta fl-età ta’ sentejn meta missieri ġie minn xogħol, allura bażikament trabbejt hawn. Ma bdejtx nilgħab il-futbol qabel l-età ta’ 16-il sena għalkemm kont inħobb l-isport ħafna qabel, iżda l-attenzjoni tiegħi marret aktar fuq l-akkademiċi f’dak iż-żmien.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-promozzjoni li ksibtu bħala Kalkara United proprju fil-jiem li għaddew?
Li tieħu promozzjoni huwa dejjem sabih iżda mhux faċli. Għall-grazzja t’Alla rnexxieli nikseb tlieta s’issa. Dan kollu jiġi b’ħafna commitment u sagrifiċċju mhux biss min-naħa tiegħi imma anke min-naħa tal-plejers li flimkien nittrenjaw kuljum b’intensitá u wkoll bis-saħħa tal-kowċ u l-kumitat li dejjem ikunu lesti biex jgħinu l-iskwadra f’aspetti oħra biex l-għan tagħna jintlaħaq.
L-għan tal-Kalkara mill-bidu tal-istaġun kien li nieħdu l-promozzjoni. Il-kowċ tagħna Bruno Menes ilu li kellu proġett bi grupp ta’ plejers li flimkien komplew jissaħħew f’dawn l-aħħar sena u nofs fejn il-‘chemistry’ tat-tim tjieb ħafna.
Dis-sena permezz ta’ akkwisti ġodda fis-sajf kif ukoll f’Jannar komplejna nagħqdu grupp b’saħħtu fejn mhux biss ilħaqna t-tragward tagħna imma ħadnieh ukoll bħala Champions!
Proprju, riċentement ilħaqt it-tragward tal-100 logħba fil-futbol Malti. X’inhuma l-kummenti tiegħek rigward dan?
Hija sensazzjoni mill-aqwa meta wieħed iqis l-età li kelli meta bdejt nilgħab il-futbol peress li xorta ħadni ftit żmien biex niżviluppa l-ħiliet tiegħi u wkoll biex inkun nista’ nifhem il-logħba b’mod aktar tattiku peressli kont imdorri nilgħabha fit-toroq, allura jien verament grat għal kemm wasalt ‘il bogħod.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kalkara United FC.
Minn meta ngħaqadt mal-klabb ħassejtni milqugħ tajjeb ħafna mill-kowċis tal-plejers kollha u wkoll mill-kumitat. Hemm rabta kbira bejn il-plejers u s’issa kienet xejn ħlief tajba.
Kif tqis il-livell attwali tal-futbol lokali?
Dejjem hemm lok għal titjib għax inħoss li għandna nkunu aktar impenjati fl-isport. Ovvjament, peress li l-livelli kollha huma prinċipalment xogħol part-time, huwa diffiċli li tiffoka kompletament fuqu.
U xi ngħidu dwar ir-riżorsi (il-grawnds) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
B’mod ġenerali naħseb li l-grawnds qed jinżammu b’mod tajjeb dan l-aħħar bil-pitches li qed jiġu rranġati. Huwa pjaċevoli li tilgħab f’dawn il-grawnds, madankollu nħoss li għandna nkomplu nieħdu ħsieb aħjar tal-pitches li għandna u jekk possibbli dejjem intejbu biex nilagħbu f’oħrajn aħjar.
Kif tqis il-mentalità rigward l-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Simili għal dak li semmejt qabel.. Nara ħafna plejers li huma impenjati ħafna fl-isport anke wara li jaħdmu xogħol mid-9am sal-5pm u jmorru direttament għat-taħriġ u jippreparaw għal-logħob li ġej. Iktar ma jkun għoli l-livell, iktar trid tkun impenjat fl-isport biex tkun tista’ titjieb f’kull aspett.
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-aħħar messaġġ tiegħi jkun li qatt mhu tard wisq biex tibda tilgħab il-futbol, dejjem il-ferħ li tilgħab iżommok għaddej. Li tibqa’ impenjat u ffukat dejjem jimbottak sal-limiti tiegħek biex ittejjeb lilek innifsek!

