Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-festa sabiħa tal-Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid, il-komunità festiva Maltija kienet xhieda ta’ mument storiku li se jibqa’ miktub fil-kotba tar-rekords. The Malta Records ikkonfermaw li nkiser rekord li kien ilu jeżisti mill-2015: l-akbar pavaljun tad-drapp armat għall-festa, li jkejjel 19.11 metru jew aħjar 62.70 pied.
Dan ir-rekord ġie miksub mill-Għaqda Nar u Armar Madonna ta’ Lourdes, li bl-isforz u dedikazzjoni tagħhom ippreżentaw xogħol artistiku u tekniku ta’ veru klassi.
Il-pavaljun mhux biss impressjona bil-daqs u l-qies tiegħu, iżda wkoll bis-simboliżmu li jġorr miegħu. Kien maħsub mhux biss biex jikser rekord, iżda biex jirrappreżenta lil żewġ parroċċi: dik tal-Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid u l-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.

Fil-fatt, dan ix-xogħol tqiegħed fuq il-konfini bejn iż-żewġ parroċċi jew aħjar fin-niżla tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u b’hekk sar pont ta’ fidi u tradizzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet.
F’din l-okkażjoni kellna l-opportunità nitkellmu ma’ Dr. Duncan Borg Myatt, li għalkemm illum huwa magħruf l-aktar fil-qasam tal-futbol bħala President ta’ Gudja United, ilu snin twal jagħti sehmu fil-festi Maltin, b’mod partikolari f’Raħal Ġdid.
Dr Borg Myatt fil-kummenti li ta lil dan il-ġurnal spjega kif twieldet l-idea ta’ dan il-pavaljun:
“Is-sena l-oħra konna għadna kif iċċelebrajna l-50 anniversarju tal-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes. Kien sar avveniment uniku fejn saret purċissjoni konġunta mal-Bażilika ta’ Kristu Re. Minn hemm bdiet toħroġ l-idea li jinħoloq armar li jirrappreżenta t-tnejn flimkien.”
Fil-fatt, Dr Borg Myatt kien wieħed minn dawk li issuġġerixxa li jinħoloq pavaljun b’żewġ titulari – Kristu Re u l-Madonna ta’ Lourdes bħala simbolu ta’ għaqda u rispett reċiproku. Għalkemm l-iskop inizjali ma kienx li jinkiser rekord, ix-xogħol finali laħaq kejl ta’ 62 pied u b’hekk sar mhux biss l-itwal pavaljun armat f’Malta, iżda wkoll wieħed mill-aktar wiesgħa u imponenti li qatt dehru fil-festi lokali.
Dan ir-rekord jikser dak ta’ 58 pied li kien ilu jżomm il-post tiegħu mill-2015. Għalhekk, mhux biss huwa suċċess għall-Għaqda Nar u Armar Madonna ta’ Lourdes, iżda wkoll għal Malta kollha, li wriet kemm għandha talent u kreattività fil-qasam tal-armar tradizzjonali speċjalment fejn għandu x’jaqsmu l-festi li tant huma parti mit-tradizzjoni tagħna l-Maltin.
“Għalija dan mhux biss rekord. Huwa frott ta’ ħidma kollettiva, ta’ passjoni u ta’ mħabba lejn il-festa u lejn il-komunità. Huwa rigal għal kull min jattendi, għal kull parruċċan u għal kull min jemmen fil-valuri ta’ għaqda u tradizzjoni,” kompla jgħid Borg Myatt.

F’diskors ta’ gratitudni, Dr Borg Myatt xtaq jagħti ħajr lil kulħadd fosthom lill-membri tal-Għaqda Nar u Armar li ħadmu bla waqfien, lill-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes kif ukoll lill-komunità ta’ Kristu Re li ħaddnet din l-idea u laqgħet il-pavaljun bħala simbolu ta’ rispett.
Hu rrikonoxxa wkoll li mingħajr l-appoġġ tal-komunità, xogħlijiet bħal dawn ma jkunux possibbli: “Dan huwa rekord li jappartjeni lill-poplu kollu ta’ Raħal Ġdid.”
Għalkemm il-festa u l-armar kienu ċ-ċentru ta’ din l-intervista, ma stajniex ma nsemmux ukoll ir-rwol ewlieni ta’ Dr Duncan Borg Myatt fil-qasam sportiv. Bħala president ta’ Gudja United FC, huwa mexxa lill-klabb għal livell tal-kbar hekk kif ftit tas-snin ilu kienu wkoll qed jilagħbu fil-Malta Premier.
“Il-festa u l-futbol għandhom ħafna komuni: it-tnejn jgħaqqdu lin-nies, joħolqu sens ta’ komunità u jagħtu tama. Il-passjoni li nara f’Raħal Ġdid fil-festa hija l-istess passjoni li rrid nara fil-plejers tiegħi fil-grawnd,” żied jgħid Dr Borg Myatt.
Waqt li t-timijiet Maltin fil-futbol qed jersqu lejn aktar professjonalità, Borg Myatt jemmen li l-istess enerġija għandha tiġi injettata fil-festi u l-armar: “Il-festa hi parti minn min aħna bħala Maltin. Inżommu t-tradizzjoni, imma nkomplu nkabbruha b’kreattività u innovazzjoni. Dan il-pavaljun hu eżempju perfett.”
Għalih, dan mhux l-aħħar rekord li se naraw. Huwa jemmen li l-festi Maltin għandhom potenzjal li jkomplu jikbru u jattiraw anki interess turistiku: “Jekk aħna kapaċi noħolqu xi ħaġa unika bħal din, allura m’hemmx limitu għal x’nistgħu niksbu.”
Il-pavaljun ġdid ta’ Raħal Ġdid mhux biss ħa postu fil-kotba tar-rekords iżda wkoll fil-qlub tal-parruċċani. Huwa xhieda tal-ħidma bla heda ta’ ħafna individwi, tal-viżjoni ta’ nies bħal Dr Duncan Borg Myatt, u tal-passjoni li l-Maltin għandhom għall-festa u t-tradizzjoni tagħhom.
Kif qal Dr Borg Myatt b’tbissima: “Il-festa hi tagħna lkoll. Illum, mhux biss ksibna rekord, imma għaqqadna komunitajiet sħaħ taħt bandiera waħda ta’ fidi u mħabba!”