Friday, November 15, 2024

“Mhux diskriminatorju f’każi ta’ prevenzjoni u protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli minħabba l-ġeneru”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Lara Dimitrijevic b’reazzjoni għal kritika inġusta fuq l-abbozz ta’ liġi dwar il-femiċidju 

L-attivista u avukata, Lara Dimitrijevic, ilha s-snin taħdem għad-drittijiet tan-nisa f’Malta u hija minn tal-ewwel biex isemma’ leħinha bil-għan li tqajjem kuxjenza pubblika u governattiva bil-għan li ssir differenza pożittiva fil-pajjiż. Hekk għamlet ukoll fil-każ tal-istupru u l-qtil ta’ Paulina Dembska. Dan is-sit ippubblika diversi artikli b’kollaborazzjoni ma’ Dimitrijevic u llum se nwasslu l-messaġġ tagħha dwar il-kritika inġusta li qiegħda ssir dwar ir-rapport li sar u għen biex ikun ippreżentat l-abbozz ta’ liġi li bih il-femiċidju jkun rikonoxxut fil-Liġi Kriminali ta’ Malta.

“Meta ħaddanna l-Konvenzjoni ta’ Istanbul fil-liġijiet tagħna, inkludejna l-Artiklu 4.4 tal-Konvenzjoni li issa huwa l-Artiklu 4.2 tal-Att Kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru (Kapitlu 581). Dan jgħid li ‘miżuri speċjali meqjusa bżonnjużi biex jipprevjenu u jipproteġu persuni li huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-ġeneru m’għandhomx ikunu kkonsidrati diskriminatorji u dan skont it-termini ta’ dan l-Att,” speċifikat Dimitrijevic.

L-attivista u avukata qalet li l-introduzzjoni ta’ liġi li speċifikament għandha l-għan li tipproteġi lin-nisa minn vjolenza mill-irġiel, mhix diskriminatorja. Hija qalet li mhux kull distinzjoni twassal għal diskriminazzjoni u kkwotat lill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fejn iddikjarat dan ukoll fis-sentenza Abdulaziz, Cabales u Balkandali v. Renju Unit. F’din is-sentenza ngħad li ‘trattament differenzjali huwa diskriminatorju jekk m’għandux objettiv jew raġuni ġustifikabbli, jiġifieri jekk ma għandux għan leġittimu jew li ma jkunx hemm relazzjoni raġjonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi wżati u l-għan imfittex li jitwettaq’.

Għaldaqstant, Lara Dimitrijevic reġgħet ikkonfermat li meta jittieħdu passi biex nipprevjenu vjolenza kontra n-nisa huma “ġustifikazzjoni oġġettiva u raġjonevoli”.

In-nisa jistħoqqilhom ħajja mingħajr vjolenza jew biża’ ta’ vjolenza

Fid-diskors tagħha fl-aħbar tal-abbozz ippreżentat fil-Parlament dwar il-femiċidju, Dimitrijevic qalet li m’huwiex sigriet li l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ilha tissielet għal aktar rikonoxximent dwar il-vjolenza fuq in-nisa. Filwaqt li laqgħet bi pjaċir din il-leġislazzjoni tant importanti, fakkret kemm il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija pandemija li għandha għeruq fondi fis-soċjetà tagħna. 

“Iżda nemmen li bħal kull pandemija, anke din nistgħu neradikawha u naċċertaw li tibqa’ taħt kontroll. Biex nagħmlu dan, irridu l-ewwel nirrikonoxxu u naċċettaw li għandna problema fis-socjetà tagħna. Il-vjolenza fuq in-nisa hija prevalenti u wasalna f’punt li saret normalizzata u aċċettat fis-soċjetà,” sostniet Dimitrijevic. 

Hija qalet li fit-tieni lok irridu niddiskrivuha u ngħidulha b’isimha għax l-isem jagħti kjarezza u ċertezza dwar dak li nkunu qegħdin nitkellem dwaru. “L-agħar forma ta’ vjolenza huwa l-qtil u pajjiżna mhuwiex nostranu għal qtil ta’ nisa mill-irġiel minħabba l-inugwalnza, sterotipici u misoginija. L-agħar forma ta’ vjolenza fuq in-nisa hija l-femiċidju, mela ejja nirrikonoxxu l-isem – femiċidju!  Billi nirrikonoxxu din ir-realtà, nagħtuha isem u nirrikonoxxuha fil-liġijiet tagħna mhux biss qegħdin nagħtuha vizabilità, iżda qegħdin inwasslu messaġġ ċar li pajjiżna qiegħed jirrikonoxxi r-realtà tal-femiċidju”. 

Fit-tielet lok Dimitrijevic temmen li bħala pajjiż irridu nibdew naħdmu biex inkissru l-għeruq fondi tal-misogonija u l-patrijarkat għax in-nisa f’pajjiżna jistħoqqilhom ħajja mingħajr vjolenza jew biża’ ta’ vjolenza dan kollu għax huma nisa. 

Ekonomija

Sport