Kevin Abdilla ta’ 49 sena residenti l-Imqabba ġie lliberat minn kull akkuża wara li kien mixli li kkaġuna ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku. Il-Qorti qalet li hija ma tistax issib lil Abdilla ħati minħabba li ġie nnutat kunflitt fl-evidenza waqt il-provi.
Ir-raġel kien mixli li kkawża ġrieħi gravi fuq Mariella Tabone li kienet riekba fuq mutur u nvolutu f’inċident tat-traffiku li seħħ fis-16 ta’ Lulju 2023 fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun, Mellieħa.
Waqt ix-xhieda tal-vittma u anke ta’ żewġha li kien ukoll fuq il-mutur qalu li l-imputat kien ħareġ quddiemhom u kien għalhekk li kkawża l-ħabta. Iżda min-naħa tiegħu l-imputat baqa’ jgħix li hu kien diġà kważi qasam it-triq u li l-mutur deher ġej fuqu mill-“wrong side” wara li qabeż karozza tal-linja.
Ġie nnutat li x-xhud l-oħra li kienet fil-karozza mal-imputat ma tatx verżjoni ċara tal-inċident filwaqt li xhud ieħor ibbaża x-xhieda tiegħu fuq assunzjonijiet milli fuq osservazzjoni diretta.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace rrimarkat li dawn il-kontradizzjonijiet ma tawx stampa ċara ta’ kif seħħ l-inċident u għalhekk ma setgħetx tgħid lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kienet responsabbiltà ta’ Abdilla li kkawża l-ġrieħi gravi. Għaldaqstant, Abdilla ġie ilibertat mill-akkuża.