Tuesday, February 25, 2025

Mhux ħati li ġiegħel lill-eks sieħba tixrob likwidu biex tkorri

Aqra wkoll

Raġel ta’ 50 sena kien illiberat mill-akkużi li ħebb għall-eks sieħba tiegħu u li heddidha. Huwa ma nstabx ħati wkoll li pprova jagħtiha xi ħaġa biex iwassal għall-abort tat-tarbija li għandhom bejniethom. 

Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, il-Prosekuzzjoni spjegat kif f’Jannar tal-2018, l-allegata vittma għamlet rapport fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid, fejn allegat li fir-residenza tagħha f’Marsaskala kien inqala’ argument bejnha u l-imputat. Hija allegat li l-imputat kien imbuttaha u jagħtiha bis-sieq. 

Hija stqarret mal-pulizija li ġarrbet xi ġrieħi f’idha u li kellha seba’ ġimgħat tqala. Skont hi, l-intenzjoni tal-imputat kien li tkorri t-tarbija u offrielha u allegatament ġegħelha tixrob sustanzi biex tkorri però hi rrifjutat li tagħmel dan. 

Il-Pulizija kienu tkellmu mal-akkużat u li dan kien stqarr li kienu ilu ma jaraha mill-Ħadd ta’ qabel. Stqarr magħhom li huwa veru li kienu qed jilletikaw fuq messenger iżda ma kienx minnu li ħebb għaliha. 

Fil-Qorti, il-mara xehdet li kienet ħierġa għax-xogħol u meta ġiet biex tiftaħ il-bieb ta’ barra, l-akkużat allegatament tefagħha mal-art, qabadha minn xagħarha u beda jsawwatha. Allegat ukoll li kellu sikkina f’idu u flixkun u riedha tixorbu “sabiex tkorri.”

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qieset li mix-xhieda tat-tabib ħareġ li hija kellha ġrieħi ħfief. Intqal li minkejja fix-xhieda tagħha kienet qalet li f’idejh kellu sikkina, ma kienx hemm ġrieħi kompatibbli ma’ qata’ jew ġrif li setgħu jiġu kkaġunati b’sikkina. 

Qalet li ma nġabitx provi, permezz ta’ CCTV footage jew xhieda okulari li l-imputat kien fl-akwata tar-resdienza tagħha fil-ħin tal-allegat inċident. 

Il-Qorti qalet li ma tqisx li x-xhieda tal-mara kienet kredibbli u għalhekk minħabba kunflitt fil-provi lliberat lill-akkużat minn kull imputazzjoni miġjuba kontra tiegħu. 

Għall-akkużat deher l-Avukat Ishmael Psaila. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport