Żagħżugħ li kien akkużat li ħebb għal ħuh ma nstabx ħati tal-akkużi kontra tiegħu grazzi biss għal ħniena li l-vittma wera lejh. Il-vittma qal fil-Qorti li ma jixtieqx li jixher kontrih.
Il-każ seħħ f’Raħal Ġdid fit-22 ta’ Jannar li għadda meta allegatament l-akkużat ħebb għal ħuh u fl-argument ikkawżalu ġrieħi gravi f’wiċċu. Hu ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika.
Il-pulizija qalu fil-qorti li mill-investigazzjonijiet li saru jirriżulta li l-vittma kellu argument fuq it-telefone ma’ persuna u qabad u telaq mid-dar. Minħabba li biża’ li jidħol f’aktar inkwiet, ħuħ u missieru ħarġu jiġru warajh biex isegwuħ, iżda f’ħin minnhom l-akkużat ħa l-mobile minn idejn ħuh u aggredit.
Kienu t-tlieta li huma li marru jagħmlu rapport l-Għassa ta’ Raħal Ġdid, fejn il-vittma qal li ġie aggredit minn ħuh. Minħabba l-ġrieħi li sofrma l-vittma ttieħed b’ambulanza lejn iċ-ċentru tas-Saħħa fejn hemm ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-pulizija minnfih marru fuq il-post u arrestaw lil allegat aggressur.
Fil-Qorti meta beda jinstema l-każ l-missier u ħu l-akkużat għażlu li ma jixhdux kontrih u l-vitttma qal li kien qed jaħfirlu ta’ dak kollu li għamillu.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras iddikjarat li ma kienx hemm biżżejjed provi biex issib lill-akkużat ħati li ħebb għal ħuh u lliberatu mill-akkużi.