Xufier ta’ karozza tal-linja ta’ 54 sena ġie lliberat minn kull ħtija wara li tressaq il-qorti mixli li erba’ snin ilu qabad il-parti privata ta’ tifel ta’ 15-il sena mingħajr il-permess tiegħu.
Fil-Qorti l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Daryl Borg spjegat li l-allegat każ seħħ fit-8 t’Ottubru tal-2019 fil-karozza tal-linja tal-akkużat li kienet ipparkjata fil-venda tal-Belt Valletta.
Fix-xhieda tiegħu, l-allegat vittma akkuża lill-imputat li ma żammlux flus tal-vjaġġ u li offrielu li jmur jieħu kafe miegħu l-Belt. Qal li huwa aċċetta u li kellhom jmorru jixorbuh fil-vettura tal-akkużat għax bdiet nieżla x-xita. Xehed li kien hawn li l-akkużat, allegatament, ipproponielu biex jagħlqu tal-linja u qabadlu l-parti privata tiegħu.
Min-naħa tiegħu, l-akkużat xehed li tella’ lill-allegat vittma fuq tal-linja b’xejn għax mar iħallsu b’karta tal-flus tal-€10 u ma kellux bqija. Min-naħa tiegħu huwa xehed, li kien it-tifel li offrielu kafe u mhux hu. Qal, li kif daħlu fix-xarabank it-tifel ried jieħu ritratt miegħu u qabdu jitkellmu. Żied jgħid li ħin minnhom ħassu stramb għax it-tifel “poġġa minkbu fuq koxxtu.”
Għall-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kien l-allegat vittma li qabad mal-imputat u mhux bil-kontra. Il-Maġistrat ikkonkludiet li l-każ kien nieqes minn ċertu provi u nnotat li l-verżjonijiet li ta t-tifel qabel il-proċeduri u waqthom ma kinux jaqblu. Kien għalhekk li ddeċidiet li x-xufier ma kienx ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.