Raġel mixli li stupra kollega tax-xogħol wara li kienet stednitu fl-appartament tagħha kien illiberat mill-akkużi minħabba l-verżjonijiet konfliġġenti tal-allegata vittma.
Marcel Andreas Ekvall Parada, ta’ 30 sena, kien tressaq il-Qorti wara li kollega Żvediża ċemplet lill-pulizija għall-għajnuna u allegat li ġiet stuprata.
Il-każ imur lura għat-13 ta’ Jannar tal-2019, meta l-Pulizija kienu mitluba jassistu f’appartament fis-Swieqi. Il-mara, li dak iż-żmien kellha 20 sena, allegat mal-uffiċjali li kienet għadha kif ġiet stuprata minn Parada.
Hija sostniet li kienet stednitu biex jieħu drink biex jiltaqa’ ma’ dak li kienet qiegħda taqsam l-appartament miegħu, raġel ieħor li kien rieqed f’kamartu meta seħħ l-allegat inċident.
Hija tgħid li spiċċat waħedha ma’ Parada wara r-raġel l-ieħor mar jorqod għall-ħabta tal-10.00 p.m. It-tnejn li huma ħarġu jixorbu iżda meta kien sar il-ħin biex imur lura lejn id-dar, l-akkużat allegatament baqa’ jsegwiha.
L-allegata vittma qalet li l-imputat kien imbagħad mar fl-appartament tagħha u baqa’ dieħel fil-kamra tagħha. Huma kellhom jorqdu f’sodod separati madanakollu tgħid li meta raqdet ħasset il-preżenza tiegħu maġenbha u dak il-ħin indunat li kien qed jistupraha.
L-imputat kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża titlob lill-Qorti biex taħtar espert sabiex jara l-messaġġi skambjati bejn l-imputat u l-allegata vittma fil-jiem ta’ qabel seħħ l-allegat stupru.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, osservat li l-vittma tat verżjonijiet konfliġġenti ta’ dak li ġara. L-ewwel kienet qalet lill-pulizija li l-akkużat allegatament ippenetraha darbtejn. Madanakollu meta xehdet fil-Qorti biddlet il-verżjoni u qalet li kien hemm attentat ta’ penetrazzjoni anali.
Il-Qorti qalet li kieku kienet tassew iffastidjata ma kinitx tistiednu għax-xorb u tiddeskrivih ukoll bħala “raġel sabiħ”. Kien għalhekk li ddikjarat ix-xhieda tagħha ma kinitx kredibbli u lliberat lill-imputat mill-akkużi kollha miġjuba kontrih.