Friday, April 19, 2024

Mhux ħati li stupra Spanjola f’għeluq sninha f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Amhed Hamed, Sirjan ta’ 25 sena, ma nstabx ħati li stupra tfajla Spanjola f’għeluq sninha fuq il-bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan, Dan wara li l-Qorti qalet li mill-provi li tressqu quddiemha, ma setgħetx tasal għall-konklużjoni li l-akkużat wettaq dan l-att mal-allegata vittma mingħajr il-kunsens tagħha.

Is-Sirjan kien tressaq fil-Qorti mixli li fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Frar 2019 stupra lit-tfajla wara li ltaqgħu fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville. 

It-tfajla kienet saħqet li l-imputat ma sfurzahiex biex tmur ħdejn il-baħar miegħu u sakemm kienu qed jitkellmu hemm għall-ewwel ħassitha komda u ma kien hemm xejn x’jindika li se jiġrilha xi ħaġa. Dan sakemm, l-akkużat allegatament imbuttahha, ċartilha l-qalziet u stupraha.

Hija spjegat li pprovat twaqqfu iżda ħadd ma seta’ jgħinha billi kienu waħedhom fuq il-bajja u dak il-ħin kienet nieżla x-xita. Qalet li huwa kien tbissem u ħallieha tibki fuq il-bajja.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella nnotat li t-tfajla qatt ma allegat li ma kinitx konxja ta’ dak li kienet qiegħda tagħmel u ta’ dak li kien qed jiġrilha, anzi pjuttost il-kuntrarju.

“Hija marret ħdejn il-baħar mal-imputat, u dan, fi kliemha stess mingħajr ma hu ġegħelha tmur hemm miegħu, kienu qed jitkellmu u sa dak il-ħin kienet komda u rilassata. Iżda mbagħad, dejjem skontha, l-imputat imbuttaha mal-art u sforza ruħu fuqha, fejn hi għamlet minn kollox biex tirreżistieh.

“Huwa evidenti li n-nuqqas ta’ kunsens min-naħa tagħha qed torbtu mar-reżistenza tagħha għall-isfurzar tal-imputat fuqha u mhux ma’ xi fattur ieħor, tipo li kienet fis-sakra u ma kinitx taf x’qed tagħmel jew x’qed jiġrilha.

“Din ir-reżistenza però u b’hekk dan-nuqqas ta’ kunsens ma jirriżultawx mill-provi. Jiġi mfakkar li l-evidenza li kellu u li sab l-espert mediku, kkonkluda li ma sab l-ebda evidenza ta’ trawma sesswali,” saħqet il-Qorti filwaqt li qalet li ma tistax tasal għall-konklużjoni li seħħ stupru u għalhekk illiberat lill-imputat minn kull ħtija.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jean Paul Attard.

Sport