Fayiz Alkatib Sirjan residenti l-Ħamrun ma nstab ħati li stupra tifla ta’ 12-il sena u anke li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ oħra ta’ 13-il sena.
Hu kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ Mustafa Al Hmeidi Sirjan ukoll residenti l-Marsa.
Il-Prosekuzzjoni qalet li kienet bdiet tinvestiga lil Alkativ wara li kien sar rapport mir-residenza Jean Antide dwar li kien hemm żewġt tfajliet neqsin. Meta dawn instabu u ġew mitkellma mill-Pulizija dawn il-bniet għamlu diversi allegazzjonijiet fuq iż-żewġ Sirjani.
Fil-Qorti t-tfajla ta’ 12-il sena qalet li ma’ 3 persuni oħra kienu fid-dar ta’ Al Hmeid meta Alkatib stupraha. Qalet li huwa taha mobile bil-kundizzjoni li twettaq atti sesswali miegħu. Hija kienet sostniet li ġieli kellh x’taqsma sesswalment ma’ rġiel oħra.
Min-naħa tagħha t-tfajla ta’ 13-il sena xehdet li l-akkużat stupra lill-ħabiba tagħha wara li wettqet sess fuqu.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet ix-xhieda wkoll tal-ħaddiema soċjali u anke ta’ diversi uffiċjali tal-Pulizija li kienu fil-każ.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li x-xhieda tat-tfajla ta’ 13-il sena kienet waħda inkonsistenti u anke għax ma qablitx max-xhieda l-oħrajn.
Dwar ix-xhieda tat-tifla ta’ 12-il sena qalet li din kienet intiża biex toħloq storja kontra l-akkużat. Żiedet li dik ta’ 13-il sena rikbet fuq l-istorja ta’ seħbitha.
Qieset ukoll li l-imputati ċaħdu kollox mal-Pulizija dwar l-istejjer li kienu qalu l-allegat vittmi.
L-imputat kien qal lill-Pulizija li hu kien tkellem magħhom biex forsi jsibulu għarusa ta’ età maġġorenni u ta’ dan “is-servizz” hu kien ħallashom.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Maġistrat Stafrace Zammit ma sabitx lil Alkatib ħati u lliberatu.
F’din il-kawża l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Spiteri waqt li għall-akkużat deher l-Avukat Jason Grima.