Jason Borg ta’ 47 sena kien illiberat mill-akkuża ta’ pussess aggravat ta’ droga eroina. Dan wara li l-ġurati, bi tmien voti favur u wieħed kontra, ma sabuhx ħati ta’ din l-akkuża.
Il-verdett ingħata għall-ħabta ta’ nofsillejl, bil-ġuri nstema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri.
Il-każ kien relatat mas-sejba ta’ 1.2 kilogrammi eroina waqt rejd mill-pulizija li sar f’Settembru tal-2017, fl-inħawi tal-istalel tal-Marsa.
L-akkużat kien għadda lill-Pulizija numru ta’ oġġetti, inkluż ċpiepet tad-deheb u mobile phones, li stqarr li kienu mgħoddija lilu dik il-ġurnata stess minn ċertu Shana Farrugia li kienet talbitu li jżommhom għandu. Hija kienet instabet f’dawk l-inħawi u kienet arrestata.
L-akkużat kien għadda wkoll lill-Pulizija borża ta’ lewn abjad li kien fiha trab kannella suspettata droga eroina. Huwa allega li din il-borża kienet ġiet mgħoddija lilu minn Nicholas Farrugia fil-lejl ta’ qabel.
Matul il-ġuri, id-Difiża ddeskriva lil Borg bħala bniedem dgħajjef u vittma u stieden lill-ġurati sabiex janalizzaw jekk kienx hemm xi xhud li wera li l-provi jindikaw li l-akkużat kien jaf bid-droga fl-ixkora.
Id-Difiża enfasizzat li jekk il-ġurati kellhom anke dubju żgħir, dan kellu jkun favur l-akkużat. Irrimarkat li fil-ġuri kollu ssemma isem Nicholas Farrugia iżda l-Prosekuzzjoni ma tellgħetux jixhed, filwaqt li Borg għażel li jixhed u wera kuraġġ.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukati Lennox Vella u Mario Mifsud dehru għal Borg.