Tuesday, December 24, 2024

Mhux ħatja li kkaġunaw il-mewt ta’ raġel li ntlaqat minn pony f’tiġrija

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li ma sabitx erbat irġiel ħatja li kkaġunaw il-mewt ta’ raġel u li weġġgħu gravi tfajla li kienu ntlaqtu minn pony waqt tiġrija li saret fit-3 ta’ Mejju tal-2013 fit-trakka tal-Malta Drag Racing Association f’Ħal Far.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti irriżulta li kien sar rapport li għall-ħabta tad-9.30 p.m. f’Ħal Far Drag Racing kien għadu kif seħħ inċident fejn weġġgħu xi nies. Jidher li f’dan l-post kienet ġiet organizzata tiġrija taż-żwiemel u tal-ponies. Waqt tiġrija minnhom pony partikolari li kien misjuq minn Sandro Cutajar laqat xi barrikati tal-plastik li kienu jinstabu mal-ġenb tal-korsa. 

Minħabba dan l-inċident, is-sewwieq tal-pony spiċċa mal-art u l-pony baqa’ għaddej u weġġa’ żewġ spettaturi. Wieħed mill-ispettaturi miet waqt li spettatriċi oħra weġġgħet. 

Quddiem l-ewwel Qorti kienu ġew mixlija Sandro Cutajar ta’ 43 sena li kien qed isuq il-pony, Pierre Cuschieri ta’ 52 sena li kien l-organizzatur tat-tiġrijiet taż-żwiemel, Paul Pace ta’ 63 sena li kien il-President tal-MDRA u Jason Camilleri ta’ 48 sena li kien Segretarju tal-MDRA. 

Huma ġew mixlija li kkaġunaw il-mewt involontarja ta’ Michael Zammit u li kkaġunaw ukoll ġrieħi gravi fuq Shania Micallef. 

Fl-appell tiegħu l-Avukat Ġenerali jressaq diversi aggravji fejn huwa jilmenta minn apprezzament żbaljat tal-fatti li skont hu għamlet l-Ewwel Qorti fil-konfront tal-erba’ imputati. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, sostniet li ma taqbilx mal-Avukat Ġenerali meta jisħaq li għaliex Cutajar ma kellux liċenzja jfisser li huwa naqas milli josserva r-regolamenti tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta u dan peress li waħda mhijiex konklużjoni tal-oħra.

Apparti minn dan, din il-Qorti rriżultalha li Cutajar għamel dak kollu li seta’ sabiex jipprova jikkontrolla l-pony meta rrealizza li kien qiegħed jiġbed għall-ġenb fej kien hemm il-barriers bil-konsegwenzi kollha li ġraw wara. 

Dwar il-fatt li l-pony sfratta u telaq jiġri waħdu, jirriżulta, kif qalet sew l-Ewwel Qorti li Cutajar kien fl-impossibiltà li jikkontrollah wara li s-serkin ħabat fil-barrier.

Minn imkien ma rriżulta li l-pony sfratta minħabba xi ħaġa li seta’ għamel Cutajar jew li seta’ ma għamilx. Kieku rriżulta li Cutajar seta’ għamel xi ħaġa fir-rigward tal-pony waqt li kien qed isuq bil-konsegwenza li dan sfratta, kieku l-konklużjoni ta’ din il-Qorti setgħet tkun waħda diversa. Però dan ma kienx il-każ. 

“Din il-Qorti ma jirriżultalhiex li Cutajar kien responsabbli għall-fatt li filwaqt li Michael Zammit li kien bilqiegħda fuq il-barriers, Shania Micallef kienet miexja fit-trakka fejn kienu qegħdin isuqu ż-żwiemel meta ntlaqtet”. 

Fir-rigward tal-appellat Cuschieri, il-Qorti nnotat li dan kien għamel l-arranġamenti neċessarji, fost l-oħrajn, fir-rigward tal-pulizija u fir-rigward tal-polza tal-assigurazzjoni.

Huwa kien ukoll ħa ħsieb li jkun hemm ambulanza u infermiera preżenti waqt l-istess attività. Apparti hekk, il-Qorti nnutat il-mod li t-trakka ġiet imħejjija sabiex seta’ jsir l-avveniment inkwistjoni. Il-kuntatt bejn iż-żwiemel u n-nies ġie maħsub tant li kien hemm ċint tal-konkos kif ukoll barriers biex in-nies ikunu jistgħu joqogħdu warajhom jaraw it-tiġrijiet. 

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma ressqetx provi sal-grad rikjest mil-liġi li jwassluha sabiex tbiddel l-evalwazzjoni tal-provi li għamlet l-Ewwel Qorti. 

“Dan b’mod speċjali minħabba l-fatt li hawn ninsabu fil-kamp kriminali fejn il-grad ta’ prova huwa differenti minn dak fil-kamp ċivili. Ma’ dan il-Qorti żżid tgħid li jeżisti dubju raġjonevoli li fil-kamp penali jimmerita favur il-persuna mixlija fil-każ inkwistjoni, jiġifieri l-appellati,” tenna l-Imħallef Camileri.

Kien għal dawn ir-raġunijiet, li l-Qorit ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat is-sentenza li fiha l-erbat irġiel ġew illiberati mill-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom. 

Għal Jason Camilleri dehret l-Avukat Josephine Farrugia Mifsud. 

Ekonomija

Sport