Mara ta’ 36 sena ġiet illiberata mill-akkużi li fit-30 ta’ Ġunju tal-2023 kienet weġġgħet gravi b’mod involontarju lil mara oħra f’inċident tat-traffiku.
L-inċident kien seħħ fi Triq it-Tagħbija, ir-Rabat.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-qorti li l-imputata kienet saqet b’mod traskurat u laqtet mara Bulgara. Jirriżulta li l-vittma kienet qiegħda taqsam it-triq.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace l-vittma telgħet tixhed darbtjen fejn ġie nnutat li kienet tat verżjonijiet differenti ta’ dak li seħħ dakinhar.
F’waħda mix-xhieda li tat l-vittmi qalet li hija kienet niżlet mill-karozza tal-linja u qasmet iż-żewġ karreġġjati fit-triq. Kienet kompliet tixhed li kienet waqfet fuq island fin-nofs qabel tkompli taqsam.
Quddiem il-Qorti, il-Bulgata qalet li l-akkużata laqtitha meta daret f’daqqa minn karreġġjata għal oħra mingħajr ma xegħlet indicator. Qalet li kawża tal-inċident waqgħet.
Iżda imbagħad fit-tieni xhieda tagħha l-vittma tat verżjoni differenti dwar kif seħħ l-inċident fejn fost l-oħrajn qalet li dan kien seħħ fid-29 ta’ Ġunju u mhux fit-30.
Dakinhar kienet xehdet li kienet niżlet minn tal-Linja fuq barra tal-Imdina u bdiet taqsam it-triq li fiha tliet karreġġjati mingħajr zebra crossing.
Qalet li qasmet l-ewwel żewġ karreġġjati u kienet wieqfa fuq island miżbugħa fl-art meta l-akkużata daret f’daqqa u laqtitha.
Il-Qorti qalet li x-xhieda kienet kollha kontradizzjonijiet u li ma kinitx ċara id-dinamika tal-inċident fosthom jekk il-vittma kinitx fuq il-marki tan-nofs tat-triq.
Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat innotat li lanqas ma kien ċar jekk l-island kienet struttura fiżika jew sempliċiment żebgħa mal-art.
Il-Qorti osservat ukoll l-imputata ma ngħatatx id-dritt għall-avukat waqt l-interrogazzjoni u għalhekk qalet li dan jagħmel il-proċess difettuż.
Minħabba n-nuqqas ta’ provi u x-xhiedha inkonsistenti tal-vittma, il-Qorti, illiberat lill-akkużata minn kull ħtija.

