Francine Cini, ta’ 39 sena residenti Għawdex ġiet illiberata minn kull akkużat mill-Qorti ta’ Għawdex wara li kienet akkużata li qabbdet lil bintha tisraq il-flus mingħand missierha, bil-wegħda li tagħmillha pixxina fid-dar.
Il-Maġistrat Simone Grech qalet li l-Prosekuzzjoni ma ressqux biżżejjed provi biex Cini tinstab ħatja tal-akkużi.
Il-każ beda meta Domenic Zammit, l-eks raġel ta’ Cini nnota li kienu qegħdin jispiċċawlu l-flus li kellu f’vażett fid-dar tiegħu. Hu kompla jqajjem aktar suspett meta Rene Barun, l-eks sieħeb tal-imputata kien qallu li meta kien f’relazzjoni magħha kien ra lit-tifla tagħti xi flus lil ommha. Fix-xhieda tiegħu Zammit qal li darba sab €900 neqsin, u darba oħra €250.
Angelica Borst, is-sieħba ta’ Zammit kienet għamlet rapport li kienet sabet ammonti kbar ta’ flus neqsin. Skont ir-rapport tagħha, minn €6,000 li kienet qed iżżomm, sabet biss €1,720.
Hekk kif bdew l-investigazzjonijiet mill-Pulizija, it-tifla ta’ Cini kienet ammettiet mal-Pulizija li kienet hi li serqet dawn il-flus u imbagħad kienet tgħaddihom lil ommha.
Hi kienet qalet lill-Pulizija li ommha kienet wegħditha li se tibnielha pixxina u matul l-interrogazzjoni nfaqgħet tibki bil-biża’ li ommha ssir taf. Waqt tfittxija fir-residenza ta’ missierha, indikat post taħt is-sodda fejn kienet ħbiet €500 oħra.
Meta imbagħad il-pulizija tkellmu mal-imputata dwar li fid-dar tagħha kellha €11,000 fi flus kontanti hi qaltilhom li kienet ġemmgħathom mix-xogħol li taħdem, mill-għajnuna soċjali u mir-rigali tal-magħmudija li rċeviet bintha.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha nnutat li kien hemm diskrepanzi fix-xhieda tal-allegat vittmi u anke dwar l-ammonti misruqa. Qalet li minħabba dan mhix moralment konvinta li l-flus li kellha Cini kienu frott serq.
Għalhekk il-Maġistrat Simone Grech illiberat lil Cini minn kull akkuża.