Friday, April 11, 2025

“Mhux il-mara biss għandha tieħu l-leave iżda anke t-tieni ġenitur”

- Dr Rebecca Berry Wellman, President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, dwar il-miscarriage leave

Aqra wkoll

Wara li l-Erbgħa li għadda ngħata bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-miscarriage leave, fejn tħabbar li l-ispejjeż relatati ma’ dan il-leave se jkunu qegħdin jinġarru kollha mill-Gvern, L-Orizzont ilbieraħ ħa l-kummenti tal-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa Dr Rebecca Berry Wellman f’dan ir-rigward. 

Dr Berry Wellman sostniet li qed jiġi diskuss biex jittieħed il-leave meta jkun hemm korriment tat-tqala, u jekk dan għandux jingħata wkoll lir-raġel li wkoll ikun għaddej minn dan il-perjodu. Hija qajmet dan il-punt waqt id-diskussjoni ta’ nhar l-Erbgħa. 

Qalet li “l-Kunsill jemmen li mhux il-mara li korriet biss għandha tieħu l-leave, iżda anke l-partner. Jekk inħarsu biss lejn il-mara li korriet, ser tiggwadanja, għax għandha s-sapport, u ma ninsewx li l-korriment mhuwiex telf għall-mara li korriet biss, imma kulħadd jgħaddi minn dan il-proċess u ma jkunx għaqli li ma naħsbux fit-tieni ġenitur.”

Tkellimna wkoll dwar ir-rwol tagħha bħala President ta’ dan il-Kunsill li ilu mwaqqaf mill-1964, u għalhekk is-sena l-oħra dan il-Kunsill iċċelebra s-60 sena anniversarju mit-twaqqif tiegħu. 

Skont Dr Berry Wellman, dan il-Kunsill ra “bidliet kbar fil-pajjiż favur il-mara, u kien dejjem parti minn din il-bidla.” Fit-tmexxija tal-Eżekuttiv kollu tal-istess Kunsill, u flimkien ma’ diversi organizzazzjonijiet oħrajn affiljati fl-istess Kunsill, hi qed tissokta ħidma konsultattiva mal-Gvern sabiex il-mara mhux biss tibqa’ fiċ-ċentru tal-aġenda u jkollha vuċi aktar minn qatt qabel, iżda fuq kollox, tkompli tikseb id-drittijiet li huma fundamentali għaliha.

Ir-responsabbiltà u l-missjoni tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa tikkonsisti fil-ħolqien u l-promozzjoni ta’ kultura pożittiva fejn il-mara tiġi mħarsa u meqjusa b’dinjità fis-soċjetà. Iżda kif tispjega tajjeb ħafna d-Dottoressa, jaraw ukoll “id-drittijiet u l-bżonnijiet tal-familja kollha, għax il-Kunsill jipprezenta viżjoni holistika.” Hi kompliet li l-Kunsill “jiġbor fih vuċijiet differenti ta’ organizzazzjonijiet dejjem lesti li naħdmu mal-istakeholders kollha biex naslu għal dawk l-għanijiet li nkunu qed naħdmu fuqhom.”

Il-Kunsill jagħmel parti mill-International Council of Women u l-European Women’s Lobby, filwaqt li lokalment jagħmel parti minn Empower, kif ukoll hu rappreżentat fl-MCESD. Fost il-punti li fuqhom jaħdem il-Kunsill hemm l-empowerment tal-mara, il-gender balance, is-saħħa mentali, il-fenomenu tal-vjolenza domestika, il-faqar li ma jidhirx u li ħafna drabi hu marbut mal-finanzi u t-teknoloġija li qed tavvanza b’mod rapidu u tħalli lill-anzjani f’diffikultá. Il-Kunsill jorganizza flimkien ma’ għalliema voluntiera u entitajiet korsijiet u tagħlim fi ħdan iċ-Ċentru tal-Kunsill, b’mod partikolari għal għajnuna lill-ġenituri u ulied għall-homework; u korsijiet ta’ taħriġ lill-ħaddiema sabiex javvanzaw fil-karriera bħal ‘food handling courses’. Berry Wellman ilha fil-kariga minn Jannar tal-2024, iżda ilha membru tal-istess Kunsill għal dawn l-aħħar 13-il sena.

Ħafna forsi jiddiskutu wkoll ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà Maltija tal-lum, u jekk intlaħqitx l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jekk fadalx xi jsir, u Berry Wellman dwar dan, wieġbet li “llum il-mara ħadet rwol differenti. Tista’ tgħid li llum il-mara Maltija, hi prezenti fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja: fid-dinja tax-xogħol, oħrajn jibqgħu d-dar mat-trabi taghhom, nisa ohra li għadhom qed jistudjaw, u dawk li llum kibru u huma preżenti fis-soċjetà bl-inizjattivi maħsuba għalihom. Aħna, fil-vizjoni u xogħol il-Kunsill, nippruvaw ninkorporaw u nħarsu lejn dawk iż-żgħażagħ li huma studenti u għadhom telgħin, lejn in-nisa li qegħdin jaħdmu, u dawk li irtiraw, jew dawk li qatt ma ħadmu u qegħdin id-dar jew huma anzjani, jiġifieri bħala kunsill naghtu vuci lil kulħadd.”

Meta tlabna l-opinjoni ta’ Berry Wellman fuq il-mara, qaltilna li kieku jkollha tħares lejn il-mara b’ċertu mod speċifiku, u speċjalment bħalissa li llum kibret, u hija Nutar, “ukoll inħossha diffiċli biex inlaħħaq mal-ħajja tal-familja bi tfal żgħar, mal-professjoni u li nagħti wkoll ħini għall-volontarjat b’impenn sħiħ.” Iżda bħala president tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa hi tħoss li “llum qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn ħafna jħarsu biss lejn fejn ser nasal fil-karriera mbagħad naraw, għaliex in-nies qegħdin jiżguraw il-futur finanzjarju u dan qed jaffettwa r-rata tat-twelid għax dak li jkun qed jaħseb aktar tard għat-tfal.”

Hi personalment qasmet magħna li dejjem sabet l-għajnuna mingħand il-familja tagħha, bħal ommha u n-nanniet, oħtha u kollegi tagħha, u li flimkien mar-raġel tagħha, jippruvaw isibu bilanċ biex ilaħħqu ma’ kollox, izda l-fatt li hemm aċċess għaċ-Childcare Centre, nistgħu nibqgħu għaddejjin bil-karriera. Bħala President tixtieq tara “aktar ħidma fuq is-saħħa mentali.”

Dan il-Kunsill riċentament għamel rebranding, fosthom biddel anke l-logo u sit ġdida biex ikunu aktar aċċessibbli u rilevanti għall-mara tal-lum, u bil-Kunsill il-ġdid “aħna qegħdin nippruvaw u naspiraw li naslu għal għan li jkollna s-saħħa mentali bħala waħda mill-punti principali li naħdmu fuqu, u waħda mill-affarijiiet li qed niddiskutu bhala Kunsill hija li f’kull implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida, naraw il-ħarsien tas-saħħa mentali b’mod ħolistiku, u dan kemm għall-mara u kemm għar-raġel.”

Illum forsi qed nintilfu niddiskutu l-ħafna riformi u tibdil, iżda qed ninsew lil dawk in-nisa li jixtiequ jaspiraw fil-karriera jew li qed jistudjaw u wieħed jistaqsi, imma persuna għandha spazju biżżejjed biex tkun tista’ tkompli tistudja u fl-istess ħin tkun ġenitur? U l-ħaddiema għandhom spazju biex jaħdmu u jkunu ġenituri, u min iħaddem qiegħed joħloq spazju biex il-mara tkun tista’ taħdem u tieħu ħsieb it-tfal tagħha? Bħala kunsill, kif kompliet tispjega d-Dottoressa Berry Wellman, “minkejja li ‘għamilna’ miżuri tajbin ħafna, fosthom il-ftuħ taċ-Childcare Centres, lil mara ma nistgħux inħarsu lejha waħidha, imma irridu nikkunsidraw l-irwol tal-missier.” 

Id-diskors waqa’ wkoll fuq il-menstrual leave li skont Berry Wellman “għad hawn stigma u nuqqas ta’ għarfien kbir fuq is-saħħa tal-mara inġenerali. Hawn ħafna pajjiżi li qed iqajmu kuxjenza dwar dan, u jien stess għadni qed nitgħallem bħala President, u nixtieq nara li titqajjem aktar kuxjenza, u nixtieq nara wkoll izjed edukazzjoni fil-mod ta’ kif inħarsu lejn dawn l-affarijiet; aħna naqblu ma’ dan il-leave, għax nemmnu li l-mara, u naf għax jiena mdawra b’nisa fit-tim tiegħi, in-nisa kollha ser jagħtu iżjed jekk iħossuhom mifhuma, u dan anke jgħodd għall-irġiel.” Hija tgħid li affaxxinanti l-fatt li qed jiġu diskussi dawn l-punti, iżda bħala Kunsill jemmnu li hemm bżonn iżjed “inizjattivi li jigu implimentati, però bħala President nara xorta li hawn nuqqas ta’ għarfien inġenerali.”

Jekk wieħed jixtieq li jagħmel kuntatt ma’ dan il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq is-sit il-ġdida, jew anke fuq il-paġna ta’ Facebook jew Instagram ‘National Council of Women Malta’, u spjegat li qegħdin hemm għal kulħadd; kull min jersaq b’xi problema, tingħata l-għajnuna, u tiġi introdotta lill-entitajiet li jagħtuk għajnuna b’mod professjonali.

L-istedina hi miftuħa ukoll għal NGOs li jixtiequ jkollhom aktar rappreżentanza f’oqsma marbuta mal-mara. Organizzazzjonijiet tan-nisa li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom fl-istess Kunsill, anke b’mod anonimu, jistgħu jagħmlu dan, għax żgur li s-sehem tagħhom se jħalli impatt fuq ħafna nies u fuq is-soċjetà inġenerali.

Berry Wellman ikkonkludiet din l-intervista billi qalet li f’dan il-pajjiż sar tibdil kbir, inħolqot aktar kuxjenza rigward drittijiet tan-nisa, iżda ma jfissirx li għandna nieqfu hawn. Is-soċjetà nbidlet, u l-mara evolviet, u jeħtieġ li meta nimplimentaw bidla, nibqgħu nevalwaw sabiex il-mara tibqa’ tkun fuq l-aġenda ċivili sabiex nibqgħu nagħmlu progress.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport