Saturday, May 4, 2024

“Mhux kemm tkun tajjeb jgħodd, imma li tkun kapaċi toħloq xi ħaġa speċjali”

L-għawwiem Neil Agius

Aqra wkoll

Is-Sibt filgħodu ġiet organizzata attività msejħa Ocean Festival, fejn 70 għawwiem qasmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex. Dan il-Festival kellu l-għan li jgħaqqad flimkien in-natura, l-isport u l-komunità — xi ħaġa unika għall-Gżejjer Maltin li huma miżgħuda b’baħar verament sabiħ.

F’din l-ewwel edizzjoni, dawn l-għawwiema qasmu sitt kilometri bejn iż-żewġ gżejjer u kienu assistiti minn madwar 40 kayak. L-istess għawwiema għandhom għan komuni — dak li jaslu fid-destinazzjoni mixtieqa u jittestjaw il-livelli fiżiċi tagħhom filwaqt li jieħdu ħsieb lilhom infushom.

L-organizzatur hu l-għawwiem Neil Agius li riċentement rebaħ ukoll it-titlu tal-Isportiv tas-Sena fl-Isport Malta Awards — Għażliet Sportivi Nazzjonali. Hu jgħid li din l-attività hi ċelebrazzjoni tas-sbuħija naturali li hi miżgħuda biha Malta flimkien mal-kumplament tal-Gżejjer Maltin, filwaqt li jgħaqqad flimkien l-isport u l-komunità.

Agius sostna kemm din l-attività għaqqdet lin-nies flimkien u li minkejja xi differenzi li jista’ jkollhom, għandhom objettiv ewlieni.

L-organizzatur ta’ din l-attività spjega li l-lat soċjali ta’ din l-attività hu wieħed kbir. Wara sentejn li matulhom ma setgħux jorganizzaw attivitajiet bħal dawn, il-parteċipanti dehru ħerqana li jwettqu din l-isfida. Huwa sostna li s-sodisfazzjon ta’ dan kollu jasal wara l-attività meta l-parteċipanti jinġabru flimkien u jieħdu flixkun birra filwaqt li jiċċelebraw il-bravura li għadhom kemm għamlu.

Agius saħaq li din l-attività kienet waħda ferm pjaċevoli fejn l-istudenti tiegħu ma kellhom l-ebda pressjoni partikolari, ħlief dik li jwettqu l-ħolma tagħhom li jaslu għal din l-isfida. Kulħadd kellu l-pass tiegħu għalkemm kulħadd wasal bl-aqwa mod possibbli.

Żewġ għawwiema, Luke Frendo u Joe Galea, kienu diġà ttantaw xortihom f’din l-isfda u waslu qawwijin u sħaħ fis-sitt kilometri li għamlu bħala parti mill-provi għall-attività tas-Sibt.

Agius kompla jgħid li t-taħriġ li wettaq mal-istudenti tiegħu ħadem bl-aqwa mod possibbli. Intant, huwa stqarr li jinsab kuntent ferm li t-taħriġ li ħejja għalihom ħadem u li rċieva kummenti pożittivi rigward il-metodu li uża għal din l-attività.

L-organizzatur temm jgħid li: “Jien introduċejthom fid-dinja tiegħi, fl-isfidi psikoloġiċi li jkolli u fil-laqgħat li jkolli kontinwament man-natura … l-għan hu dejjem wieħed. Mhux kemm tkun taf tgħum, tgħaġġel jew kemm tkun tajjeb, iżda li tkun kapaċi toħloq xi ħaġa speċjali.”

Sport